Lokali

Ġorġ Borg Olivier – 41 sena minn mewtu

Illum jimmarka l-41 sena minn mindu pajjiżna tilef mexxej li s’issa qatt m’erġajna rajna bħalu – Ġorġ Borg Olivier miet ftit minuti qabel nofsillejl tal-Erbgħa 29 ta’ Ottubru.

Ġorġ Borg Olivier twieled il-Belt Valletta fil-5 ta’ Lulju tal-1911. Studja l-Liċeo u l-Università Irjali ta’ Malta minn fejn fl-1937 ħa l-Lawrija ta’ Nutar u sentejn wara kien elett għall-ewwel darba fil-kunsill tal-Gvern fl-interessi tal-Partit Nazzjonalista.

Tul ħajtu Borg Olivier kien dejjem xempju ta’ onestà u rġulija.  Mill-Gvern, hu kien mexxa lil pajjiżna ta’ Prim Ministru u mhux ta’ mexxej ta’ partit. Mexxa lil Malta għall-ġid tal-poplu kollu u mhux għas-sezzjoni li vvutatlu.

Fil-kariga tal-Kap tal-Oppożizzjoni baqa’ jkun kostruttiv u leali lejn il-poplu u lejn il-pajjiż bla distinzjoni politika.

L-istorja ta’ Borg Olivier bħala mexxej tan-nazzjon tibqa’ intrinsikament marbuta mal-istorja tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista li mexxa għal 27 sena minn rebħa għal oħra u li matulhom il-Partit Nazzjonalita kiber u ssaħħaħ.

Il-ħidma li Borg Olivier għamel b’risq pajjiżna irrendietlu t-titlu ta’ Missier Malta Indipendenti.