Lokali Qorti

“Il-folja tal-akkuża mhijex evidenza li fuqha jista’ jiġi miċħud il-pleġġ” – l-avukati ta’ Yorgen Fenech

L-avukati ta’ Yorgen Fenech sostnew li ċ-‘charge sheet’ (folja tal-akkuża) mhijiex evidenza li fuqha jista’ tiġi miċħud il-pleġġ, hekk kif kompla l-każ Kostituzzjonali tiegħu dwar ir-rifjut ripetut tal-ħelsien mill-arrest. L-Imħallef Miriam Hayman semgħet sottomissjonijiet mill-Avukat tal-Istat u t-tim legali ta’ Fenech.

Fenech fetaħ proċeduri dwar ir-rifjuti ripetuti tal-qrati li jagħtuh il-libertà proviżorja wara li kien arrestat għall-ewwel darba f’Novembru 2019 minħabba r-rwol tiegħu fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Minn dakinhar ilu jinżamm taħt arrest preventiv.

L-Avukat Charles Mercieca oġġezzjona għat-taħrika tar-reġistratur tal-qrati kriminali biex jippreżenta kopja legali tal-akkużi relatati mad-diversi kawżi kriminali li jinsabu pendenti quddiem il-qrati tal-maġistrati. “Għandna prinċipju ewlieni wieħed – din il-qorti nħolqot biss biex tipproteġi d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, ejjew ma nkunux dawk li jiksruhom f’każ fejn suppost ikunu protetti.”

Mercieca sostna li dak li kellu bżonn jesebixxi l-Avukat tal-Istat kien ir-rekord kriminali tal-akkużat, li huwa kompendju tal-akkużi kollha li nstab ħati tagħhom fil-passat. “X’inhi charge sheet? Lanqas evidenza! Mhijiex evidenza, folja ta’ akkuża hija “aviso di comparire,” notifika biex tinforma lill-akkużat b’dak li qed jiġi akkużat.

“Ejjew ma naslux għall-pożizzjoni assurda li l-AG iressaq kawżi kontrija u mbagħad juża dawk l-istess każijiet biex jargumenta li m’għandix ningħata l-libertà proviżorja,” qal Mercieca. “Jekk Fenech jinstab mhux ħati ta’ dawn l-akkużi, ħares lejn x’iżball ikun jekk il-proċeduri tal-lum jiġu deċiżi fuq il-bażi ta’ dawn l-akkużi,” sostna l-avukat.

“Mhux hekk jiġi ppruvat karattru ħażin. Barra minn hekk, il-karattru waħdu mhuwiex raġuni biex tirrifjuta l-pleġġ. L-AĠ jaf li Fenech huwa ta’ min joqgħod fuqu u m’għandux kundanni,” qal. L-Avukat tal-Istat Chris Soler ikkonferma fil-Qorti li Fenech għadu preżunt innoċenti tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

“Mhux ikkontestat. Huwa wkoll preżunt innoċenti fi proċeduri oħra fejn huwa akkużat b’reati oħra… Dan huwa prinċipju prevalenti għall-Avukat tal-Istat. “Il-konvenuti (l-Istat) jemmen li dan id-dokument, meta jidher b’mod kumulattiv mal-bqija tal-provi, għandu jwassal lill-qorti biex tiddeċiedi li ma kien hemm l-ebda ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.”

Soler sostna li huwa rilevanti għax inkella l-qorti ma jkollhiex “stampa ċata ta’ 360 degrees” taċ-ċirkostanzi kollha inkluż akkużi possibbli kontra Fenech, li jittrattaw l-istess perjodu tal-arrest tiegħu. L-avukati ta’ Fenech argumentaw li l-Istat kellu l-obbligu li jipproteġi d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, li jinkludu l-preżunzjoni tal-innoċenza. “Qegħdin inħallu lill-pulizija tressaq lin-nies b’dak li rridu, meta rridu u kif irridu,” huwa qal. Il-qorti ħalliet il-każ għad-19 ta’ Novembru għal deċiżjoni