Il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech irid ikun il-vuċi tal-artisti kollha Maltin u Għawdxin, filwaqt li Gvern ġdid immexxi minnu jara li l-Kunsilli Lokali kollha jkollhom ir-riżorsi meħtieġa biex jagħtu l-aqwa servizz lir-residenti tagħhom.
Hekk stqarr il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Kultura u l-Gvern Lokali Karl Gouder matul konferenza tal-aħbarijiet b’reazzjoni għall-estimi finanzjarji tas-sena d-dieħla għall-Ministeru li jmexxi dan is-settur.
Karl Gouder qal li hu ta’ għajb li l-Gvern ta’ Robert Abela ħalla lill-artisti għall-aħħar meta neħħa r-restrizzjonijiet marbutin mal-pandemija, f’konferma ċara li l-Gvern iqis dan is-settur daqslikieku hu xi passatemp. Hu għalhekk, qal, li l-Partit Nazzjonalista jrid li l-mentalità tinbidel ħalli l-artisti jibdew jitqiesu bħala professjonisti. Dan jista’ jsir billi jingħataw aktar fondi, spazji u opportunitajiet ħalli jkunu jistgħu jimirħu aktar.
Min-naħa l-oħra, hu nnota kif dan il-Gvern naqqas ħafna l-ħidma tar-restawr, filwaqt li ħalla lis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali mingħajr biżżejjed fondi jew riżorsi umani.
Dwar il-Kunsilli Lokali, id-Deputat Nazzjonalista qal li mhux aċċettabbli li l-Gvern taparsi żiedilhom l-allokazzjoni finanzjarja meta fil-verità tahom biss medja ta’ €14,000 kull wieħed. Fl-istess waqt, qed naraw li xi Dipartimenti tal-Gvern jaraw lill-Kunsilli żejda u ma jikkonsultawx magħhom.
U dwar il-Pulizija fil-Komunità, hu qal li dan hu servizz importanti li l-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq li għandu jinbeda u hu tajjeb li l-Gvern wettaq din il-proposta. Madankollu, qal li dawn m’għandhomx jintużaw bħala skuża biex l-Għases tal-Pulizija ma jinfetħux jew ikunu żarmati.
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mid-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg, li qalet li l-Partit Nazzjonalista minn dejjem kellu għal qalbu l-Kultura. Għaldaqstant, għax hu sensittiv għal dan is-settur, irid isaħħaħ l-impenn billi ikompli jisma’ l-ideat u l-bżonnijiet tal-artisti kollha.
Min-naħa l-oħra, hi nnutat kif il-Gvern ta’ Robert Abela nesa lill-artisti u qed juri diżrispett kbir fil-konfront tagħhom, b’nuqqas ta’ viżjoni u b’għażla ta’ nies biex imexxu settur li ma jifhmux fih. Fil-fatt, kompliet li b’nies li ma jifhmux, l-artisti m’humiex jingħataw l-ispazju meħtieġ biex jaħdmu.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li Gvern ġdid immexxi minn Bernard Grech jagħti aktar poteri u responsabbiltajiet lill-Kunsilli Lokali għax il-Partit dejjem kien konsistenti u emmen fihom.
Hu qal li għalhekk, Gvern ġdid Nazzjonalista jara li l-Kunsilli jkunu stakeholders ewlenin fid-deċiżjonijiet li jittieħdu għax iħoss li ma jistgħux jittieħdu deċiżjonijiet mingħajr konsultazzjoni xierqa.
Fil-fatt, qal li ma nistgħux nieqfu biss b’riformi li jibqgħu fuq il-karta, iżda ħidma flimkien b’risq l-ambjent, l-element soċjali u anke t-tibdil fil-klima. Dan meta, għall-kuntrarju, illum il-Kunsilli qed iħossuhom minsija mill-Gvern ta’ Robert Abela tant li jispiċċaw jiskopru dwar proġetti li jkunu se jsiru fil-lokalità tagħhom minn fuq il-media.
//= $special ?>