Lokali

Isostnu li qed isiru aktar manuvri partiġġjani mill-PBS

"Din iċ-ċensura hi inaċċettabbli"

L-għaqda Repubblika ressqet ilment formali fil-konfront tal-istazzjon nazzjonali TVM għar-raġuni li fil-bulettin tal-aħbarijiet tal-bieraħ, il-Ħamis 28 ta’ Ottubru, ma ġietx irrappurtata konferenza tal-aħbarijiet li saret waqt l-azzjoni ta’ 72 siegħa sit-in quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.

Fi stqarrija, Repubblika implikat li l-PBS mhux veru qed jirrapreżenta lill-poplu kollu u qed ikun partiġġjan.

Repubblika qalet li l-kamra tal-aħbarijiet ta’ TVM lanqas biss indenjat ruħha tibgħat ġurnalist biex din il-konferenza stampa tkun tista’ tiġi rrappurtata fuq listazzjon “li suppost huwa tal-poplu kollu”.

“Huwa evidenti li l-uniku intenzjoni ta’ din iċ-ċensura ta’ TVM hija li l-poplu ma jkunx infurmat li s-soċjetà ċivili qiegħda ssejjaħ protesta nazzjonali. Huwa evidenti li TVM ma jridx li n-nies tkun taf li se ssir protesta nazzjonali li għaliha jistgħu jattendu. Huwa evidenti li TVM, f’konfoffa malUffiċċju tal-Prim Ministru, trid tfixkel l-għażla ħielsa tal-poplu Malti dwar jekk illejla għandux jattendi jew le billi lanqas biss tinfurmaħ li se ssir protesta.”