Sport Sport Ieħor

L-iskejjel protagonisti fil-Ġimgha Ewropea tal-Isport f’Malta

Iċċelebrat f'Malta, il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport hija proġett tal-Kummissjoni Ewropea biex tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-attività fiżika f’ħajjtna. Matul il-Gimgħa Ewropea tal-Isport, 27 Stat Membru tal-Unioni Ewropea u ħafna nazzjonijiet oħra madwar l-Ewropa u l-Balkani tal-Punent iniedu kampanja kbira biex iħeġġu liċ-ċittadini jsiru aktar attivi. SportMalta ċċelebrat din il-Ġimgħa Sportiva, flimkien mal-kumplament tal-pajjiżi Ewropej bi programm speċjali. L-għan ewlieni ta’ SportMalta huwa li tispira lill-popolazzjoni Maltija u tbiddel il-pajjiż permezz ta’ sport u avvenimenti innovattivi, pjaċevoli, u sinifikanti.

Kien għalhekk li SportMalta, stiednet lill-Iskejjel Primarji u Sekondarji kollha għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-‘Ġimgħa Ewropea tal-Isport 2021’ billi torganizza Jum Sportiv biex l-istudenti jkunu attivi fil-ħinijiet tal-iskola. SportMalta hija l-korp nazzjonali ta’ koordinazzjoni għall-Gimgħa Ewropea tal-isport kofinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea permezz tal-programm Erasmus+.

Il-bilanċ bejn l-edukazzjoni u l-attività fiżika dejjem kien taqbida. Inizjattiva bħall-Gimgħa Ewropea ta’ l-Isport tgħin biex jiġi definit bilanċ aħjar u jinħoloq ambjent fejn l-attività fiżika tista’ ssir fl-ambjent edukattiv.

Parteċipazzjoni rekord ta’ 60 skola minn madwar Malta u Għawdex laqgħu din l-istedina nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Ottubru. SportMalta, l-entità governattiva għall-isport u l-korp ta’ koordinazzjoni tal-Gimgħa Ewropea tal-Isport organizzat dan l-avveniment ta’ jum sportiv għall-istudenti kollha ta’ kull età biex igawdu ftit sigħat ta’ attività fiżika varji u soċjalizzazzjoni permezz tal-isport u l-eżerċizzju.

L-innovazzjoni għall-avveniment ta’ din is-sena kienet it-tnedija ta’ vidjows maħluqa biex l-istudenti jkunu attivi u matul il-ġurnata tal-iskola tagħhom billi jsegwu eżerċizzji u attivitajiet sempliċi murija. Inħolqu żewġ vidjows differenti biex jimmiraw lill-istudenti tal-Primarja u Sekondarja, u mfassla apposta biex jimmiraw il-livelli kollha tal-istudenti li jinsabu fil-klassijiet tagħna. Dawn il-klipps huma disponibbli għall-istudenti kollha inklużi l-iskejjel Pubbliċi, Privati ​​u tal-Knisja biex jilħqu kull individwu u jippromwovu l-attività fiżika.

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport timbotta lill-Ewropej biex iħaddnu stil ta’ ħajja b’saħħta u attiva għal dawn l-aħħar sitt snin, u tgħin biex tiġġieled il-kwistjoni tal-inattività. Iż-żieda fl-eżerċizzju fiżiku regolari, irrispettivament minn min aħna jew x’nagħmlu, jista’ jkollu influwenza sinifikanti fuq is-saħħa tagħna fit-tul.

Il-fattur ewlieni tal-attivitajiet kollha ppreżentati huwa li tiġi promossa l-aqwa kwalità ta’ attività fiżika u li t-tfal jiċċaqalqu anke matul ġranet twal sedentarji tal-iskola. SportMalta tippromwovi attivitajiet fiżiċi għall-etajiet kollha, attivitajiet speċifiċi bħal din jgħinu biex jimmiraw il-ġenerazzjonijiet futuri tagħna.