Formula 1 Sport

Lewis Hamilton jitkellem dwar r-razziżmu u favur id-diversita’ fil-Formula 1

(Ritratt: EPA)

Is-seba’ darbiet champion tad-dinja Lewis Hamilton stqarr li l-kampanja kontra r-razziżmu u favur id-diversita’ fil-Formula 1 għinitu biex jibqa’ motivat u kkonċentrat fil-ġlieda għar-rebħ tal-kampjonat dan l-istaġun. Hamilton jinsab f’taqtiegħa ma’ Max Verstappen ta’ RedBull biex jirbaħ it-tmien kampjonat tiegħu fil-Formula 1, b’Verstappen jinsab tnax-il punt fuq Hamilton, hekk kif fadal ħames Grand Prix għal tmiem l-istaġun.

Hamilton kien protagonist biex ppromwova l-messaġġ ta’ ‘Black Lives Matter’ fil-Formula 1 matul l-istaġun li għadda. Intant, is-sewwieq Brittaniku nieda proġett bl-isem ‘Mission 44′, fejn qed jgħin tfal li ġejjin minn familji li huma anqas rappreżentati fis-soċjeta’. Hamilton ta’ donazzjoni ta’ £20 miljun mill-flus tiegħu għal dan il-proġett bil-għan li t-tfal isegwu programmi futuri fix-xjenza, fit-teknoloġija, fil-matematika, inġinerija kif ukoll fil-Formula 1.

Hamilton sostna li dawn il-proġetti jżommuh motivat f’perjodi diffċili fejn ma jkollux il-motivazzjoni li jitrenja, fejn qal li se jkun qed jagħti aktar ħin lil inizjattivi simili la darba jirtira mill-Formula 1.