Lokali

Mark Camilleri lil Rosianne Cutajar: “Postok il-ħabs”

L-eks Delegat tal-Partit Laburista Mark Camilleri sejjaħ lid-Deputat Laburista Rosianne Cutajar “korrotta” u qallha li postha huwa fil-ħabs.

F’post fuq Facebook, l-eks Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill tal-Ktieb iddeskriva lil Cutajar bħala beżżiegħa talli qed tistaħba wara familtha u dak li qed issejjaħ ‘umanita’, u żied jgħid li hi giddieba u totalment korrotta.

Dan il-post Camilleri għamlu wara li l-eks Segretarju Parlamentari fetħitlu libell dwar dak li kiteb fi ktieb li ppubblika ftit ilu fejn jitkellem dwar relazzjoni intima bejn Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech, illum akkużat b’kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

“Jekk titlaq mill-politika ma tismax aktar bija”, kiteb Camilleri, li iżda kompla jgħid lil Cutajar li għandha għażla oħra, cioè li tibqa’ fil-politika, u tibqa’ għaddejja bil-libell. Iżda wissiha li f’dak il-każ hu se jsir l-akbar inkubu tagħha.

“Int korrotta. Postok il-ħabs. Int u sħabek irvinajtu lill-Partit Laburista u rvinajtu l-pajjiż. Nistenna bil-ħerqa l-ġurnata li l-Labour jitnaddaf minnek u mill-idjoti korrotti l-oħra”,  jkompli Camilleri, li jgħalaq il-post tiegħu b’dawn il-kelmiet: “Intom kollha l-ħabs postkom”.