Lokali Qorti

Sitt xhur ħabs wara li pprova jitlaq lejn Sqallija b’dokument falz

Raġel ta’ 29 sena mill-Kosta tal-Ivorju ġie kundannat sitt xhur ħabs wara li ammetta li kellu fil-pusses tiegħu dokument falz bl-iskop li jitlaq lejn Sqallija. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Christopher Chircop talab lill-Qorti biex Yousef Konate jingħata sentenza fil-minimu tagħha peress li dan huwa każ umanitarju.

Tenna li kulħadd jaf x’inhuma r-raġunijiet li persuni bħal Konate jaġixxu b’dan il-mod. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud qalet li hija tifhem dan il-punt iżda l-Qorti ġibdet l-attenzjoni li l-Kosta tal-Ivorju mhuwiex wieħed mill-pajjiżi li ċ-ċittadini tiegħu għandhom bżonn protezzjoni.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li qed tħeġġeġ lil International Protection Agency (IPA) biex f’każijiet bħal dawn jiġu trattati fi żmien qasir u ma jiskrux il-liġi kif għamel l-imputat. Qalet ukoll li filwaqt li tifhem li huwa vittma tas-sitwazzjoni, b’dak li għamel qed jgħin lir-traffikanti tal-persuni jkomplu jistanaw mill-miżerji ta’ dawn il-persuni.

Il-Qorti ħeġġet ukoll lill-awtoritajiet biex jikkunsidraw biex f’każijiet bħal dawn jinħoloq post fejn ikunu jistgħu jinżammu dawn il-persuni sakemm jiskontaw is-sentenza, u mhux fil-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin għaliex il-fatt li tant persuni qed jispiċċaw fil-ħabs qed toħloq pressjoni ta’ spazju bla bżonn. Dan meta bħal l-imputat mhemmx il-ħtieġa li jirrabiltaw ruħhom.

Il-Qorti fiċ-ċirkosntazi tagħat setenza fil-minimu tagħha, dik ta’ sitt xhur ħabs u biex l-uffiċjal tal-Pulizija inkarigat mill-każ ikun jista jagħmel l-arranġamenti wara li l-każ jiġi deċiż  mill-IPA l-imputat ikun jista’ jintbagħat lura lejn pajjiżu.