Lokali Qorti

Sudaniż akkużat b’attentat ta’ qtil ta’ Niġerjan fil-Marsa

Sudaniż ta’ 45 sena inżamm arrestat wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud bl-attentat ta’ qtil ta’ Niġerjan li spiċċa l-isptar waqt li qala’ daqqiet ta’ mus nhar l-Erbgħa filgħodu viċin ġnien fil-Marsa (ritratt). Il-Prosekuzzjoni qalet li wara li kienu nfurmati li saret serqa fi Triq is-Salib fil-Marsa huma skoprew li kien hemm persuna li sofriet ġrieħi serji f’idejha.

Il-Pulizija arrestaw lil Moubarak Mohammed Adam Altayeb wara li Hasan Smaila Mohammed kien tahom deskrizzjoni tal-agressur tiegħu, li ġie arrestat fil-Marsa stess. Waqt l-arrest il-Pulizija sabet żewġt imwies fil-pusses tal-akkużat, u li wieħed minnhom intuża’ fl-aggressjoni. Il-vittma spiċċa l-isptar Mater Dei fejn sar intervent kiruġiku fil-pala t’idu.

L-agressjoni kienet ukoll maqbuda minn cameras tas-CCTV fejn intwera ċar li Altayeb kien attakka lill-vittma. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Christopher Chircop ma kkontestax l-arrest tal-klijent tiegħu u lanqas għamel talba lill-Qorti għall-pleġġ.

Is-Sudaniż li m’għandux residenza qal lill-Qorti li huwa ma jaħdimx bil-Qorti tgħid li lanqas li kieku saret it-talba ma kienet se takkorda l-ħelsien mill-arrest minħabba li dan ukoll huwa reat kontra s-sigurtà u s-soċjetà. Il-Maġistrat Mifsud qal li ma jistax ikollna każijiet li joħolqu tensjoni u li hemm bżonn nirispettaw lil xulxin.

Il-vittma, Niġerjan ta’ 31 sena, residenti l-Imsida kien attakkat viċin il-ġnien 6 ta’ Awwissu. Kawża ta’ dan l-argument, il-Pulizija mid-distrett tal-Marsa arrestat lis-Sudaniż, li għamel xi żmien resdienti f’Birżebbuġa,. Allegatament huwa ipprova jisraq lill-vittma qabel ma nqala’ l-argument. Min-naħa tiegħu, in-Niġerjan irreżista, bis-Sudaniż ħareġ mus u tah daqqiet f’idu qabel ma ħarab.

Kienu l-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u tal-Komunità tal-Marsa li sabu lill-vittma ferut u tal-RIU bdew tfittxija immedjata għall-aggressur u wara ftit ħin innutaw persuna li taqbell mad-deskrizzjoni tas-Sudaniż. Meta kien iffaċċjat mill-Pulizija, l-akkużat allegatament sar aggressiv u ma obdiex l-ordnijiet leġittimi li ngħatawlu.

Il-vittma kien ingħata l-ewwel għajnuna fil-post qabel ma ttieħed l-Isptar Mater Dei, fejn kien iċċertifikat li qed isofri minn feriti gravi. L-investigazzjonijiet tmexxew mill-Pulizija mill-Għassa tal-Ħamrun bl-akkużat jitressaq il-Qorti mill-Ispetturi Lydon Zammit, Roderick Attard u Stephen Gulia li kienu mgħejjuna mill-Avukati Anthony Vella u Etienne Savona f’isem l-Avukat Ġenerali.