Svediż ta’ 35 sena inżamm arrestat mill-Maġistrat Joe Mifsud wara li ġie mixli li nhar l-Erbgħa li għaddew stupra lill-eks sieħba tiegħu. Minkejja t-talba li saret mid-difiża biex Ilpo Lalli jingħata l-pleġġ għax skond l-istess difiża l-allegazzjonijiet tal-mara, li hija ta’ nazzjonalità barranija mhumiex minnhom, l-Qorti ċaħdet it-talba.
Lalli ġie mixli wkoll li kkommetta fastidju sesswali, li talabha favuri sesswali, li aġixxa fil-konfront tagħha b’mod degradanti, kien offensiv, li pprovokha u li uża l-forza fil-konfront tagħha. L-Isvediż li huwa minn Stokkolma ġie mixli wkoll li f’San Pawl il-Baħar żamm lil mara kontra l-volontà tagħha, għamllha ħsara u kkaġunalha feriti ħfief u ħsara mentali u li wħud minn dawn lpakkużi seħħew ukoll tliet ijiem qabel l-allegat stupru.
It-talba għall-pleġġ tal-akkużat sabet oppożizzjoni qawwija minn naħa tal-prosekuzzjoni li qalet li għad trid tixhed il-vittma u persuna oħra ta’ mportanza għal dan il-każ. Minn naħa tiegħu l-Avukat Matthew Xuereb li flimken ma’ l-Avukati Roberto Spiteri u Lucio Sciriha qed jidher għal Lalli qal li din hija storja fabbrikata u li żviluppat ġlied bejn membri tal-familja.
Il-Prosekuzzjoni minn naħa tagħha qalet li nhar l-Erbgħa 27 ta’ Ottubru għall-ħabta tas-7.00pm. il-Pulizija mid-distrett tal-Qawra ġew nfurmati mill-allegata vittma li meta marret biex tieħu xi affarijiet personali f’appartament f’San Pawl il-Baħar, hija ma setgħetx tiftaħ il-bieb. Meta Pulizija marru fuq il-post, qaltihom li aktar kmieni fil-ġurnata hija kienet ġiet stuprata minn Ilpo Lalli
Sadaniitant il-Qorti ċaħdet it-talba wkoll tad-difiża biex isem l-akkużat ma jixxandarx fil-meżżi tax-xandir u qalet li hija l-allegata vittma biss li m’għandhiex tisemma’. “Dan huwa persuna gradwat fl-ekonomija u għandu wkoll kumpanija, li jfisser li dan investa f’ Malta.
“Saret prassi li persuna ma tingatax il-pleġġ, fejn illum wieħed ukoll jista’ jingħata l-ħelsien mill-arrest permezz tal-electronic tagging, xi ħaġa li ilha tintalab u sa issa ma sar xejn” qal l-Avukat Xuereb, li qal li mhux sew li titfa’ persuna l-ħabs wara li studja ħajtu kollha biex wasal fejn wasal.”
Minn naħa tagħha l-prosekuzzjoni qalet li wara l-allegat stupru, l-akkużat baqa’ jsegwi lil mara sal-Għassa tal-Pulizija meta marret biex tagħmel ir-rapport. Hawn l-Avukat Xuereb qal li dan mhuwa minnu xejn, imma hu mar l-Għassa biex jagħmel rapport fuqha.
F’ħin minnhom il-batti-bekki bejn iż-żewġ partijiet saħnu xi ftit bl-Avukat Xuereb jistaqsi- “rajtuhom il-messaġġ?” u “Kulħadd jgħid li jrid b’ilsienu”. Il-Maġistrat Mifsud qal li huwa mportant li r-Repubblika ta’ Malta u s-soċjetà tkun protetta u ċaħad it-talba biex l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Dorianne Tabone, George Schembri Audrey Micallef mgħejjuna mill-Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Sean Gabriel Azzopardi.
//= $special ?>