Futbol Sport

Swieqi jitilfu punti prezzjużi

Chris Cassar

Swieqi U …………………. 0

Luqa SA ………………….. 0

Swieqi: JC Debattista, S. Vella, J. Magri Overend, N. Borg, K. Sultana, I. Micallef, J. Willy, JA Castano, AD Schembri Wismayer, M. Vella, F. Temile

Luqa: P. Villar Flores JR, J. Camilleri, V. Olowoyo Kayode, J. Vella, J. Micallef, M. Farrugia, MJ Dominicius, R. Schembri, K. Degiorgio, D. Grima, L. Nwaogu Chibuzor

Referee: S. Spiteri

Il-partita ferm missielta bejn Swieqi u Luqa spiċċat fi draw ta’ mingħajr gowls. Swieqi kienu aħjar mill-avversarji tagħhom għal ħinijiet twal tal-partita, iżda ma rnexxilhomx jiżblukkaw l-iskor. Dan ir-riżultat kien ta’ diżappunt kbir għal Swieqi, li qed jissieltu biex jibqgħu fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika.

L-ewwel taqsima kienet pjuttost kwieta u ftit li xejn offriet spettaklu ta’ logħob. L-aħjar azzjoni waslet fit-18-il minuta, minn azzjoni tajba ta’ Schembri Wismayer, li qassam lejn in-nofs lejn Castano, iżda dan tal-aħħar ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tgħaddi ftit barra.

It-tieni taqsima kienet ferm aktar movimentata. Swieqi kellhom żewġ azzjonijiet tajba f’temp qasir.  Fis-56 minuta kien Frank Temile li ħarab tajjeb u qassam fin-nofs lejn Castano, li dar tajjeb ma’ difensur ta’ Luqa, iżda x-xutt tiegħu minn pożizzjoni ideali għadda ftit barra.

Tlett minuti wara, reġa’ kien Temile li beda azzjoni tajba minn nofs il-ground u għadda lejn Schembri Wismayer, iżda d-daqqa ta’ ras ta’ dan tal-aħħar ġiet salvata tajjeb mill-fowlkiper Villar Flores. L-aħjar opportunita’ għal Luqa waslet fil-61 minuta permezz ta’ Joshua Micallef, li ra x-xutt bid-dawra tiegħu jgħaddi ftit għoli mill-mimduda.

Fir-raba’ minuta tal-ħin miżjud, Luqa spiċċaw jilagħbu b’raġel inqas, hekk kif il-gowlkiper Villar Flores intwera żewġ karti sofor fi spazju ta’ ftit sekondi għal telf ta’ ħin u protesti.