Lokali Qorti

Tliet snin probation għal żagħżugħa Ingliża akkużata fuq serq u frodi

Ingliża ta’ 18-il sena li kienet ilha arrestata 10 t’ijiem wara li kienet ġiet mixlija li ffrodat kumpanija tal-Gaming u li serqet ħwejjeġ minn tliet ħwienet tad-ditta f’Tignè Piont Tas-Sliema ngħatat tliet snin probation wara li ammettiet l-akkużi quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud.

Skont il-prosekuzzjoni l-frodi u s-serq kien jaqbeż l-€10,000, xi ħaġa li d-difiża ma kinitx qed taqbel magħha fejn qed tgħid l-ammont huwa ferm iżgħar. Fil-fatt dwar dan il-fatt il-kwistjoni mistennija tiġi riżolta fil-Qorti ċivilment. Hija kienet qed tiġi akkużata li parti minn  rebħ ta’ xi ġugaturi kienu jispiċċaw fil-kont tagħha. it-tfajla, Heide Jennifer Payne, ilha tgħx Malta għal dawn l-aħħar sentejn u toqgħod it-Rabat.

It-tfajla minn Maidstone ammettiet li wettqet dawn ir-reati bejn is-17 ta’ Novembru tal-2020 u Marzu ta’ din is-sena. L-ammetiet li serqet ħwejjeġ minn tliet ħwienet tad-ditta f’Tignè Piont Tas-Sliema. Il-frodi u s-serq kien jaqbeż l-€10,000 skont il-prosekuzzjoni xi ħaġa li d-difiża ma kinitx qed taqbel magħha fejn qed tgħid l-ammont huwa ferm iżgħar.

Ommha li kienet preżenti fl-awla tal-Qorti qalet li bitnha kienet lesta li tħallas l-ammont dovut, bl-avukat tagħha Francois Dalli iżda jgħid li l-ammont qed jiġi minfuh mid-derubati. Il-Qorti qalet lill-partijiet li ” jekk taqblu fuq somma indaħħal l-ammont fis-sentenza,” xi ħaġa li l-partijiet m’għamlux.

Il-Qorti wissiet lit-tfajla biex toqgħod attenti issa li għandha probation imdendla fuq rasha bid-difiża tgħid li t-tfajla issa żgur tgħallmet lezzjoni. Il-Qorti fis-sentenza tagħha kkunsidrat il-fatt li l-akkużata ammettiet fi stadju bikri tal-proċeduri u l-età tenera tagħha.

Kienet il-Pulizija tad-distrett tal-Ħamrun li nvestigat l-ewwel filmati ta’ kameras tas-sigurtà meħuda f’kumpless tax-xiri f’Tas-Sliema. Mill-filmati, il-pulizija identifikaw lit-tfajla li, f’jiem differenti, dehret tisraq ħwejjeġ minn tliet ħwienet fi ħdan il-kumpless. L-Avukat Francois Dalli flimkien ma’ l-Avukat Celine Dalli deher għat-tfajla filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Attard.