“M’hemmx aħna u huma… aħna kollha umani”
Kienet din l-għajta li dwiet mal-Belt kollha hekk kif numru ta’ persuni ingħaqdu f’mixja paċifika li saret favur l-għaqda bejn kull persuna… jitolbu li f’għajnejn kulħadd, kull persuna tidher indaqs.
Huma saħqu li jixtiequ li jgħixu f’pajjiż fejn iħossu siguri hekk kif sfortunatament, kull jum li jgħaddi jħossuhom imbeżża’ u mhedda.
Kien għalhekk li talbu biex l-awtoritajiet konċernati jieħdu azzjoni biex hi x’inhu l-kulur tal-ġilda, kull persuna tgawdi minn drittijiet ugwali, kemm fil-ħajja personali tagħhom u anke fuq il-post tax-xogħol.
Saret referenza għall-każ ta’ Jaiteh Lamin fejn intqal li ġie trattat agħar minn annimal. U dan ma kienx l-uniku każ tat-tip tiegħu. Bejn l-2018 u l-2020 kien hemm madwar 10 inċidenti fatali fl-industrija tal-kostruzzjoni, bil-vittmi jkunu kollha persuni li emigraw lejn pajjiżna.
Waqt din il-mixja sar appell għar-rispett bażiku lejn kull persuna filwaqt li jittamaw li fil-futur jitkissru l-ħitan tar-razziżmu u l-ksenofobija biex tinħoloq soċjetà magħquda li taċċetta lil kulħadd indaqs.
Dawk preżenti appellaw lill-Gvern biex jipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema kollha, ikun hemm opportunità ta’ xogħol sigur, dinjituż u regolat, jagħraf li kull ħajja hi importanti u jagħti widen għall-karba ta’ ħajja diċenti għall-kull persuna.

