L-artisti Maltin Ben Millxr u Martha Micallef Attard reġgħu kkollaboraw u għadhom kif ħarġu kanzunetta bit-tema tal-halloween ‘Hide & Seek’.
Martha u Ben kienu kkollaboraw għall-ewwel darba fl-2019 meta ħarġu ‘Till It’s Gone’ u f’kumment dwar din ir-rilaxx il-ġdid, Ben iddikjara li “il-ħidma flimkien ma’ Martha kellha enerġija speċifika ħafna.” L-artist Malti qal li flimkien ma’ Martha kien qiegħed kontinwament iħabbat l-ideat ta’ xulxin kemm mużikali kif ukoll viżwalment, “dan wassal għal ħafna ħin fl-istudjo fejn konna qed nippruvaw noħorġu b’materjal ġdid u minn hawn bdiet ‘Hide & Seek’.”
‘Hide & Seek’ bdiet tinkiteb fl-2019 iżda ma kinitx se toħroġ qabel ma Martha ħarġet bl-idea li noħoruġu l-kanzunetta għall-Halloween ta’ din is-sena. F’dan il-punt, l-artisti Maltin kellhom biss korus u bilkemm kienu pproduċew beat.
Kollox ingħaqad ġimagħtejn ilu fejn ġie prodott vidjo mużikali taħt id-direzzjoni ta’ Mike Bonello Ghio bl-istil ikoniku tiegħu ‘cartoony’. Meta tkellem dwar il-video mużikali, Ben spjega li ma ried xejn “serju wisq.”
Meta mistoqsija tikkummenta dwar din it-tieni kollaborazzjoni ma’ Ben Millxr, Martha qalet li meta Ben stedinha għall-ewwel darba fl-istudjo tiegħu biex jaħdmu fuq l-ewwel kollaborazzjoni kollox mexa ħarir u dan “ippermettilhom joħolqu mużika b’faċiltà. Hija stqarret li għandhom ħafna komuni u għalhekk kienet faċli li jaħdmu flimkien. “Nemmen li huwa importanti ħafna li ‘tikklikkja’ mal-artist qabel ma toħloq mużika flimkien. Ħriġna b’diversi melodiji u meta wasalna għal din konna ċerti li sibna l-ħoss li xtaqna.”
Meta tkellem wara r-rilaxx ta’ ‘Hide & Seek’, Ben Millxr bagħat ukoll messaġġ lill-artisti kollha: “Il-parir tiegħi lil kwalunkwe artist ta’ età żgħira huwa li jutilizza ħsejjes ġodda u ma tkunx komdu biss bi stil wieħed minħabba li l-bidla hija mod li minnha jinfetħu bibien ġodda. Il-Halloween it-tajjeb!”
//= $special ?>