Lokali

Inizjattiva biex il-persuni nieqsa mid-dawl jibdew jesperjenzaw forma ta’ viżwal

Proġett li jwassal il-messaġġ biex l-għomja jibdew jesperjenzaw forma ta’ viżwal.

Dan hu dak li ħareġ matul attività li ttellgħet fil-Palazz Vilhena, fl-Imdina mill-entità Visual Non-Visual Network hekk kif qed tissokta l-ħidma biex l-għomja f’Malta, ikollhom irwol daqs il-kumplament tal-poplu, u li jkunu wkoll jistgħu jikkontribwixxu fis-soċjetà.

Net News ħa l-kumment ta’ Epifanio Vella, il-President ta’ din l-entità fejn qalilna aktar dwar l-għanijiet li huma jixtiequ jilħqu.

Il-Visual Non-Visual Network, flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Imdina qed taħdem biex l-Imdina tkun waħda minn dawk il-lokalitajiet li twassal l-informazzjoni lill-għomja waqt li jkunu qed iżuruha. Esperjenza li mbagħad tkun tista’ wkoll issir f’lokalitajiet oħra madwar Malta.

L-għan ta’ dan kollu huwa li mhux biss inkunu qed inwasslu forma ta’ viżwal lill-għomja f’Malta, iżda li wkoll Malta ssir pajjiż li jista’ jattira turiżmu ġdid. In-network qalu li l-livelli għolja tal-inklużjoni huma strumentali u li l-proġett li jmiss se jkun qed iwassal li kull forma ta’ arti li ssawwar il-kultura Maltija tasal għand dawk li ma jarawx. Dan il-proġett se jsir bi sħab ukoll ma’ Heritage Malta u The Malta Railway Foundation.