Lokali

“Irridu pajjiż fejn il-ħolm ta’ wliedek jitwettaq” – Bernard Grech

“Irridu pajjiz fejn il-ħolm tiegħek u ta’ wliedek jitwettaq. Irridu politika fejn il-familji Maltin u Għawdxin verament ikunu fiċ-ċentru tal-politika, fejn quddiem il-liġi kulħadd ikun ugwali u ċ-ċittadin verament igawdi minn dak kollu li jixraqlu.”

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li kien qed jiġi intervistat mill-preżentatur George Vital Żammit il-Ġimgħa filgħaxija waqt il-programm POLIS fuq Net Television….fejn Bernard Grech saħaq li pajjiżna għandu bżonn bidla sabiex iż-żgħażagħ ma jibqgħux jitilqu lil’hinn minn xtutna, sabiex l-ambjent jerġa’ jkun prijorità u l-investituri jerġgħu jkunu attrati lejna.

Huwa insista li qabel xejn, l-għaqda għandha tkun prijorità – u insista li sabiex il-Partit Nazzjonalista jkun verament Gvern alternattiv it-tiġdid fl-istrutturi għandu jbqa’ għaddej, iżda mhux biss. Bernard Grech saħaq li t-tiġdid għandu jkun ukoll fil-mod kif nitkellmu mal-avversarji u kif nħarsu lejn l-elettorat.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li minkejja l-ħidma sfieqa tal-politiku, l-impressjoni hi li li ċ-ċittadin jarah bħala persuna distanti u għalhekk Bernard Grech insista li hemm bżonn bidla fl-attitudni.

Huwa insista li dan huwa ż-żmien sabiex min verament irid iwettaq il-bidla jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista, bil-għan li dan il-pajjiż nerġgħu nibnuh flimkien.

Bernard Grech sostna li wasal iż-żmien li x-Xandir Nazzjonali ma jkunx Dipartiment tal-Gvern jew ta’ xi Ministeru, li ma jkunx ikkontrollat minn Kastilja għaliex in-nies għandhom id-dritt li bil-flus imħallsa mit-taxxi tagħhom jingħataw l-informazzjoni kollha li għandhom dritt għaliha.

Rigward l-fatt li Gvern tal-Labour daħħalna fil-lista l-Griża tal-FATF Bernard Grech sostna li huwa d-dmir tiegħu li kuljum jaġġorna lill-pajjiż dwar x’qed jagħmel biex joħroġ lil poplu minn dan it-timbru li ġab fuqu..iżda minflok għadu qed iwassal il-messaġġ li politiku jista’ jaħrab minn taħt idejn il-ġustizzja.

Mistoqsi dwar id-dejn li għamel Gvern Laburista, Bernard Grech saħaq li l-problema mhux f’hiex tonfoq…iżda l-ħela u tberbiq f’reklamar u pompi. Huwa kompla jispjega kif il-poplu, minflok qed jgħix l-Aqwa Żmien imwiegħed, għadna nitkellmu dwar il-bżonn li ċ-ċittadini jibdew jgħixu ħajja diċenti u dinjituża.