Irridu ngħixu f’pajjiż fejn il-ġustizzja ma’ tħares lejn wiċċ ħadd, fejn is-sewwa tiġi ppremjata. Iżda minflok qed ngħixu f’pajjiż fejn kawża ta’ nies bħal Konrad Mizzi u l-klikka ta’ madwar l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, pajjizna spiċċa fuq il-lista l-griża.
Sostna dan il-President tal-Għaqda Repubblika, Robert Aquilina fi protesta l-Ġimgħa filgħaxija quddiem il-Berġa ta’ Kastilja fejn insista li kulħadd, inkluż dawk li ma jaqblux magħhom, qed isofru minn inġustizzja u li wasal iż-żmien li l-Gvern verament jimxi lil’hinn mill-wiegħdi frivoli li għadu qed jibqa’ jagħmel u jibda jieħu l-azzjonijiet meħtieġa.

Dan għaliex, kompla Aquilina, il-poplu qed jixba mill-persuni tal-qalba li huma untouchables…u l-fiduċja u t-tama fil-Prim Ministru attwali Robert Abela qed tkompli tonqos.
Huwa saħaq li filwaqt li fl-2019 l-għajta tal-poplu kienet waħda għall-verità u l-ġustizzja – illum l-ghajta hija dik li ħadd ma huwa ‘l fuq mill-liġi u kulħadd għandu jkun ugwali quddiem il-Qrati Maltin.
Robert Aquilina insista li grazzi għall-Maġistrati kuraġġużi bdew jitressqu l-Qorti l-ewwel ftit nies. Madanakollu saħaq li għad fadal ħafna xi jsir, filwaqt li fakkar lil Robert Abela li l-inkjesta pubblika b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia sabet lill-kabinett kollu ta’ Joseph Muscat ħati li ħoloq ambjent ta’ impunità li eventwalment issarraf fl-assassinju tal-ġurnalista.

Dan filwaqt li staqsa lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà u lill-Avukat Ġenerali x’qed jistennew sabiex iressqu l-Qorti l-persuni li ssemmew fix-xhieda li nstemgħu b’rabta ma’ korruzzjoni sfaċċata bħat-tfassil tal-kumpanija 17 Black, id-deals tal-Electrogas, Vitals u l-windfarms fil-Montenegro.
Tul il-protesta tkellmu wkoll il-Viċi President ta’ Repubblika Alessandra Dee Crespo illi appellat li l-għajta se tibqa’ waħda sakemm f’Malta terġa tibda ssaltan il-ġustizzja ….kif ukoll l-attivista ta’ Occupy Justice Louiselle Vassallo li ddeskriviet lill-eks Ministru Laburista Konrad Mizzi bħala monument ħaj tal-korruzzjoni.