Għawdex Lokali

“L-identità tal-gżira Għawdxija qed tispiċċa ftit ftit” – Alfred Grech

Accept Analitiċi cookies to view the content.

“Irridu naraw li l-ewwel prijorita tkun il-gżira Għawdxija u mhux ir-regħba għall-flus ta’ erba’ individwi.“

Hekk stqarr il-President tac-Circolo Gozitano Alfred Grech f’diskors li għamel fl-okkażjoni ta’ Jum Għawdex.

Huwa qal li minkejja l-progress kollu li sar, it-theddid għall-identita’ u l-intergita’ ta’ din il-gżira għadu hemm u jista’ jkun ukoll li sar aktar serju milli wieħed jista’ jaħseb. 

Huwa saħaq li fost it-theddid prinċipali hemm l-influss tal-barrranin f’Għawdex. Dan l-influss, minbarra li qed ibiddel il-wiċċ demografiku qiegħed ibiddel wkoll l-identità ta’ din il-gżira. B’waħda mir-raġunijiet prinċipali tkun ir-riżultat tal-politika sfaċċatament żbaljata li biex tikber l-ekonomija ta’ pajjiżna jinħtieġ li żżid il-popolazzjoni.

It-tieni theddida hija dik tal-affluwenza fejn pajjiżna qiegħed jinħataf mill-ftit bi ħsara tal-kotra… qed jiġi mfarrak bil-bini insensat u ikraħ u qed jitlef is-sbuħija naturali tiegħu.

Alfred Grech qal li l-ikbar theddida iżda ġejja mill-ispekulaturi u l-iżviluppaturi li ħatfu l-pajjiż. Huwa żied jgħid li din mhix ekonomija mibnija fuq il-produzzjoni, imma ekonomija mingħajr ippjanar u ta’ min iħares biss sal-ponta ta’ mnieħru. Din mhix ekonomija mibnija fuq it-tagħlim soċjali, iżda ekonomija mibnija fuq il-kapitaliżmu liberali.

Huwa sostna li kulħadd jaf li t-traffiku fit-toroq żdied u żdied iżżejjed b’tali mod li issa sar problema mhux biss għaċ-ċirkolazzjoni iżda wkoll għas-saħħa tan-nies.

Fid-diskors tiegħu Alfred Grech qal li pajjiż jista’ jfalli mhux biss mill-lat ekonomiku iżda wkoll fil-karattru, soċjalment u spiritwalment. Pajjiżna jista’ jfalli wkoll xhin il-bużżeqa li  nfaħna u bqajna nonfħu tinfaqa’. Quddiem dan kollu wieħed għandu jirriflettu u jara eżatt li l-ewwel prijorita tkun il-gżira Għaawdxija u mhux ir-regħba għall-flus ta’ erba’ individwi.