Sport

Roma jħarsu li jagħtu l-ewwel telfa lil Milan

(Ritratti: EPA)

Fil-partita tal-ġimgħa Roma mmexxija minn Jose Mourinho se jkunu qed ifittxu li jagħtu l-ewwel telfa tal-istaġun lil Milan, li min-naħa tagħhom jinsabu fit-tieni post, bl-istess ammont ta’ punti daqs il-leaders Napoli. Bla dubju li din is-sena Milan qed juru li se jkunu qed jiġġieldu għar-rebħ tal-iScudetto, wara nuqqas ta’ 10 snin. Għalihom mistennija jirritornaw ukoll Theo Hernandez u Brahim Diaz, filwaqt li Ante Rebic se jibqa’ dubjuż. Min-naħa l-oħra Roma mistennija jkollhom il-plejers kollha disponibbli hekk kif ma sofrew l-ebda injuries fl-aħħar partiti tagħhom. Skond l-istatistika dan il-konfront jiffavorixxi aktar lil Milan li rebħu 76 darba minn 172 partita, l-aktar tim li rebħu partiti kontrih.

Min-naħa l-oħra Napoli se jaffrontaw lil Salernitana fejn xejn anqas minn tliet punti m’huma se jkunu biżejjed għat-tim immexxi minn Luciano Spalletti. Bħal Milan, Napoli rebħu disa’ partiti u temmew fi draw f’waħda, u għadhom mingħajr telfa dan l-istaġun. Min-naħa l-oħra, għalkemm Salernitana m’humiex il-favoriti, huma għadhom ġejjin minn rebħa ta’ 2-1 kontra Venezia, fejn l-istorja turi li għadhom qatt ma tilfu kontra Napoli, fiż-żewġ konfronti li kellhom.

F’partita oħra Inter se jilqgħu f’SanSiro lil Udinese hekk se jħarsu li jżommu l-pass maż-żewġ timijiet sfidanti għar-rebħ tal-kampjonat. Il-leaders attwali huma mistennija li jkollhom rebħa ta’ rutina kontra Udinese, li min-naħa tagħhom ilhom ħames partiti mingħajr rebħa. Minkejja li Lautaro Martinez għadu kif estenda l-kuntratt tiegħu, hu mistenni jkun mserraħ mil-coach Simone Inzaghi, bit-Taljan mistenni jagħmel diversi tibdiliet.

Wara t-telfa kontra Sassuolo matul il-ġimgħa, Juventus se jkunu qed iħarsu li jirreaġixxu fil-partita tagħhom kontra Verona. Wara li s-serje ta’ riżultati pożittivi kienet mwaqqfa fost il-ġimgħa, it-tim immexxi minn Massimiliano Allegri se jħarsu li jiksbu t-tliet punti u jitilgħu fil-postijiet tal-Ewropa, sabiex iżommu l-pass mat-timijiet tan-naħa ta’ fuq tal-klassifika.

SERIE A

Illum: Atalanta v Lazio 3.00pm, Verona v Juventus 6.00pm, Torino v Sampdoria 8.45pm Għada: Inter v Udinese 12.30pm Fiorentina v Spezia 3.00pm, Genoa v Venezia 3.00pm, Sassuolo v Empoli 3.00pm, Salernitana v Napoli 6.00pm, Roma v Milan 8.45pm It-Tnejn Bologna v Cagliari 8.45pm