Futbol Sport

Tispikka l-partita bejn Birkirkara u Hibernians

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Fit-tmien ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier, tispikka l-partita bejn iż-żewġ timijiet ta’ fuq bejn Birkirkara u Hibernians. Hibernians, li jinsabu fil-quċċata tal-klassifika se jkunu qed iħarsu li jestendu l-perjodu ta’ mingħajr telf matul dan l-istaġun, fejn għadhom l-unika tim fil-Kampjonat mingħajr telfa. Min-naħa l-oħra Birkirkara se jħarsu li jwettqu reazzjoni wara t-telfa diżappuntanti ta’ 3-2 kontra Sirens fl-aħħar ħarġa tagħhom. Madanakollu, rebħa għal Birkirkara tkun tfisser li terġa tinfetaħ it-taqtiegħa fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika, hekk kif jiġu bl-istess punti daqs Hibernians, għalkemm rebħa għal Pawlisti tifitħilhom vantaġġ ta’ sitt punti f’ras il-klassifika.

Partita oħra li tispikka fi tmiem il-ġimgħa hija dik bejn Floriana u Gżira United, biż-żewġ timijiet isibuha diffiċli biex isibu xi tip ta’ konsistenza matul l-ewwel parti tal-istaġun. Gżira se jħarsu li jirreaġixxu wara t-telfa ta’ 2-1 kontra Balzan fl-aħħar ħarġa tagħhom, filwaqt li Floriana temmew fi draw ta’ 1-1 kontra Mosta. Għalkemm Floriana jinsabu fir-raba’ post b’10 punti u Gżira fis-seba’ post b’9 punti, iż-żewġ timijiet se jħasu li jiksbu t-tliet punti sabiex isaħħu posthom man-naħa ta’ fuq tal-klassifika u jevitaw li jilagħbu fir-relegation pool.

F’partita oħra, fis-Centenary Stadium, Valletta se jaffrontaw lil Santa Lucia. Valletta għadhom ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra l-leaders Hibernians b’gowl fl-aħħar minuti ta’ Shaun Dimech, filwaqt li Santa Lucia għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa tagħhom dan l-istaġun, wara draw ieħor ta’ mingħajr gowls kontra Sliema. Rebħa għal Valletta tkun tfisser li jitilgħu fit-tielet post tal-klassifika, bi tliet punti huma mperattivi għal Santa Lucia sabiex ma jibqgħux man-naħa t’isfel tal-klassifika fl-għaxar post.

Iċ-champions attwali Ħamrun se jaffrontaw lit-tim fit-tielet post tal-klassifika Sirens. Wara l-bidu diżappuntanti għal dan l-istaġun Ħamrun kisbu rebħa ta’ 3-1 kontra Gudja fl-aħħar ħarġa tagħhom li tellgħathom għas-seba’ post tal-klassifika. Għal Ħamrun fl-aħħar partita rritorna il-midfielder internazzjonali Malti Matthew Gullaimier mal-ewwel ħdax, bil-Ħamrun juru mumenti tajbin matul il-partita. Min-naħa l-oħra Sirens kellhom bidu eċċelenti għal dan l-istaġun, bl-aħħar partita tkun testament ta’ dan, fejn rnexxielhom idawwru żvantaġġ ta’ 2 gowls, f’rebħa ta’ 3-2 kontra Birkirkara. Minkejja dan għal partita kontra Ħamrun huma se jkunu mingħajr żewġ plejers importanti, f’Kemar Reid u Degran Jackson li jinsabu sospiżi. Min-naħa l-oħra għal Ħamrun mistenni jirritorna il-goalkeeper Henry Bonello, hekk kif jidher li rkupra qabel iż-żmien mill-injury li sofra fl-għaksa.

KAMPJONAT BOV PREMIER

Illum: Tony Bezzina Stadium Birkirkara v Hibernians 3.00pm Ħamrun v Sirens 7.00pm Centenary Stadium Valletta v Santa Lucia 5.00pm Għada: Centenary Stadium Balzan v Gudja 3.00pm Sliema v Mosta 7.00pm Tony Bezzina Stadium Floriana v Gżira U. 5.00pm