Times of Malta tirrapporta li investigazzjoni sabet li għandu flejjes li ħadd ma jaf minn fejn ġabhom
Id-Deputat Laburista Ian Castaldi Paris allegatament għandu jagħti mal-€100,000 f’taxxa mhux imħallsa lill-Awtoritajiet.
Rapport mill-ġurnal Times of Malta żvela li wara li sar awditjar tat-taxxa lill-istess Castaldi Paris ħareġ fid-deher li għandu mijiet ta’ eluf ta’ ewro mhux spjegat mnejn ġew għandu.
Dan hekk kif it-Tax Compliance Unit investigat lill-backbencher Laburista wara li sentejn ilu bank lokali ġibdilhom l-attenzjoni.
Sorsi qrib l-investigazzjoni tkellmu mal-istess ġurnal u spjegaw li Castaldi Paris jaf għandu jħallas aktar minn €100,000 f’taxxa.
Mistoqsi mill-ġurnal sabiex jispjega dan kollu huwa insista li ma ħallasx it-taxxi għax iddeċiecda li jikkontesta l-elezzjoni. Dan filwaqt li ċaħad li dan il-ġid kollu li għandu jlaħħaq il-miljun ewro…iżda ma qalx kemm għandu.
Castaldi Paris ġie elett fil-Parlament Malti lura fl-2020 f’elezzjoni każwali sabiex ħa post l-eks Ministru u eks Deputat Mexxej tal-Labour Chris Cardona…u tul dawn l-aħħar xhur kien mitkellem mill-uffiċjali tat-taxxa.
Dan kollu xahar wara li l-gazzetta MaltaToday kienet żvelat kif id-Deputat Laburista ftit ġimgħat biss qabel l-arrest ta’ Yorgen Fenech kien għadu qed jikkomunika f’chats mal-allegat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. F’dawn iċ-chats, Castaldi Paris ftaħar dwar propjetajiet li qal illi għandu f’Londra fi żmien meta ma kienx għadu sab postu fil-Parlament.
F’kummenti lill-istess gazzetta, Castaldi Paris jammetti li vera kien hemm dawn iċ-chats iżda jistqarr li dan kien biss bluff.
“Kont stupidu” jgħid id-deputat Laburista lill-MaltaToday.
Skont id-dikjarazzjoni Parlamentari tiegħu huwa għandu €18,200 mfaddla l-bank u proprjeta dikjarata f’Ħal Lija…li xtara permezz ta’ self mill-bank.
Intant fl-aħħar ġimgħat il-Ministru Clyde Caruana stqarr li l-Gvern se jżomm id tal-ħadid ma min jevita t-taxxa mingħajr ma jħares lejn wiċċ ħadd….għaldaqstant wieħed jistenna l-eżitu tal-investigazzjonijiet u jara jekk mill-kliem hux verament se jimxi għal fatti.