Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: 16-il każ ġdid – ifiqu 9

Fl-aħħar 24 siegħa pajjiżna rreġistra 16-il każ ġdid ta’ Covid-19 bil-każi attivi jiżdiedu għal 215.

Dan tħabbar mill-Ministeru għas-Saħħa fejn ġie spjegat li 9 persuni ġew irreġistrati bħala mfejqa filwaqt li fortunatament bejn is-Sibt u l-Ħadd pajjiżna ma rreġistra ebda fatalità kawża tal-pandemija, bl-ammont ta’ vittmi jibqa’ dak ta’ 461.

Dan filwaqt li 10 pazjenti jinsabu pożittivi bil-virus, rikoverati fl-Isptar Mater Dei inkluż 4 li jinsabu rikoverati fit-taqsima tal-kura intensiva.

Intant minn għada t-Tnejn l-1 ta’ Novembru, ir-ristoranti u l-avvenimenti se jmorru lura għad-distanzi kif konna mdorrijin għalihom qabel il-pandemija, la darba jkunu ristretti għal massimu ta’ 300 persuna, ilkoll imlaqqma.

Dan ifisser li għas-seated events u r-ristoranti li jdaħħlu biss persuna li ħadu l-vaċċin, id-distanza soċjali se tkun xi ħaġa tal-passat. Madanakollu l-ilbies tal-maskra f’dawn il-postijiet se jibqa obbligatorju sakemm il-persuni ma jkunux qed jieklu jew jixorbu.

Ta’ min wieħed jinnota li l-impjegati jridu jkunu wkoll mlaqqma b’mod sħiħ.