Enerġija Lokali

Il-Gvern Laburista jagħżel li jkompli jisraq lill-familji Maltin u Għawdxin

“Is-serq mill-Gvern Laburista fil-kontijiet ferm ogħla għad-dawl u l-ilma issa qed jinħass ħafna aktar minn qatt qabel. Il-Gvern Laburista hu konxju mill-mekkaniżmu li qed jintuża mill-ARMS u li qed iwassal biex il-familji Maltin u Għawdxi jirċievu kontijiet ferm ogħla u li ma jirriflettux kemm tassew l-istess familji jkunu kkonsmaw.

“Inutli l-familji joqogħdu kawti kif jużaw is-servizzi tad-dawl u l-ilma biex forsi l-kontijiet jiġuhom orħos għaliex il-mekkaniżmu li l-Gvern Laburista ilu juża sa mill-2013 hu wieħed għalkollox żbaljat, bl-iżball ikollu jagħmel għalih int u jien billi nħallsu kontijiet ferm ogħla.

“Din hi sitwazzjoni li l-Gvern hu konxju minnha iżda bħal donnu hu komdu li jibqa’ jħaddem l-istess mekkaniżmu. Min-naħa tiegħu l-poplu għandu jagħraf li qed iħallas kontijiet ogħla għad-dawl u l-ilma u għandu jagħraf ukoll li filwaqt li l-Gvern Laburista jgħidlu mod, fil-verità qiegħed jidħak bih f’wiċċu u qiegħed jagħmel mod ieħor.

“Is-soluzzjoni għal dan kollu hu biss il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern għaliex b’hekk biss il-familji jistgħu jingħataw rifużjoni għall-flus żejda – għall-ħafna flus żejda – li ħallsu lill-Gvern f’dawn l-aħħar disa’ snin. Serqa sfaċċata minn kull familja sempliċiment għaliex il-Gvern hu komdu jħaddem mekkaniżmu li mhux korrett u lanqas ġust.

“Min-naħa tiegħu l-Partit Nazzjonalista jwiegħed li meta jkun fil-Gvern se jrodd lura l-flus misruqa mill-Gvern Laburista għaliex fil-pajjiż tkun introdotta sistema sostenibbli u li fl-istess ħin tkun tħares ukoll id-drittijiet ta’ kull familja u individwu li jħallsu għall-konsum li jkunu għamlu u xejn aktar.” Din id-dikjarazzjoni ferm importanti għamilha ma’ Il-mument id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus li hu l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista dwar l-Enerġija, l-Ilma u l-Iżvilupp Sostenibbli, f’intervista dwar sitwazzjoni li qed jgħix il-poplu fir-rigward ta’ kontijiet għad-dawl u l-ilma li huma ferm ogħla milli suppost għaliex ma jirriflettux kemm familja tkun ikkonsmat servizz.

Kif qed jinħadmu bħalissa l-kontijiet b’rati ogħla Mistoqsi għaliex il-Gvern qed jaħdem b’dan il-mod il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, Ryan Callus fisser li filwaqt li l-Avviż Legali jiddedika ammont ta’ units bl-irħas rata ta’ 10ċ5 għal kull elfejn unit. Din fis-sena. Imbagħad hemm 4,000 unit ieħor għat-tieni l-orħos rata bir-rata ta’ 12ċ9. Imbagħad hemm 4,000 unit ieħor għat-tielet faxxa ta’ rati bir-rata ta’ 16ċ1. L- 4,000 unit ieħor li jkun imiss ikollu jitħallas bir-rata ta’ 34ċ għal kull unit. U din ir-rata tkompli tiżdied aktar ma wieħed jikkonsma enerġija. Dawn huma rati applikabbli b’mod residenzjali għal kull familja fuq bażi ta’ sena.

“Li ġara s-sajf li għadda minħabba l-mod ta’ kif qed jinħadem il-mekkaniżmu, il-familji Maltin weħlu saħansitra l-ogħla żewġ tariffi ta’ 34ċ u ta’ 60ċ minkejja li fuq perjodu ta’ sena ma kenux ikkunsmaw il-units orħos li kienu allokati lilhom.” Invista ta’ din is-sitwazzjoni Ryan Callus fisser li l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar din is-serqa mill-Gvern Laburista hi li immedjatament titwaqqaf is-serqa ta’ kif qed jinħarġu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u fl-istess waqt titranġa s-sistema ta’ kif jibdew joħorġu dawn il-kontijiet. Barra minn hekk il-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed li taħt Bernard Grech Prim Ministru, il-familji Maltin jingħataw lura mal-€50 miljun fi ħlasijiet żejda fil-kontijiet li ħallsu mill-2013 sal-lum.

Eżempji minn eluf ta’ kontiijet bil-għoli

Każ 1: Missier u bintu

F’dan il-kont qed naraw li l-erba’ kontijiet preċedenti għal xi raġuni ma nqrawx u wassal, minħabba l-mekkaniżmu kif qiegħed jinħadem, biex din il-familja ta’ tnejn min-nies inħarġilha kont daqs li kieku l-konsum tat-tmien xhur ta’ qabel, ikkonsmatu kollu f’xahrejn. Dan wassal biex l-istess familja kienet iċċarġjata bir-raba’ l-ogħla ta’ rata ta’ 34ċ għal kull unit. Dan wassal biex l-istess familja, għax il-mekkaniżmu ħaseb li din il-familja kkunsmat ħafna f’xahrejn, wassal biex titlef saħansitra l-eko-kontribuzzjoni.

X’inhi l-eko-kontribuzzjoni? Din hi dik il-mekkaniżmu mwaqqaf mill-Gvern Nazzjonalista biex jippremja lill-familji li jkunu kawti fl-użu tal-konsum tal-ilma u d-dawl.

Il-mekkaniżmu kif inhi attwali qed iwassal biex inġustament dan ir-roħs jintilef minn barra li l-familji jkunu ċċarġjati bir-rati l-għoljin. Dan ifisser li s-serqa lill-familji hi fuq żewġ livelli… dak tal-kont fih innifsu ogħla u dak li l-eko- kontribuzzjoni tittellef.

Każ 2: Żewġ pensjonanti

Dan il-kont jirrigwarda familja ta’ żewġ pensjonanti fejn l-erba’ kontijiet ta’ qabel kienu kollha attwali. Fl-aħħar żewġ kontijiet qed naraw żieda sostanzjali fil-konsum minħabba s-sħana li għamlet fis-sajf li għadda. Kieku ż-żidiet li qed jidhru fl-aħħar żewġ kontijiet inqasmu fuq l-erba’ kontijiet preċedenti, allura dan kien isarraf f’kontijiet ferm orħos għaliex il-familja ma kenitx tkun soġġetta tħallas l-ogħla rati. Dan ifisser li din il-familja ta’ żewġ pensjonanti ħalset €15 f’xahrejn li huma ekwivalenti għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja.

Każ 3: Familja ta’ sitt membri

Dan il-kont jirrigwarda familja ta’ sitt persuni fejn l-ewwel ħames kontijiet ta’ qabel kienu kollha attwali, iżda fl-aħħar wieħed qed naraw żieda sostanzjali fil-konsum minħabba dak li ġara f’pajjiżna fis-sajf li għadda. Kieku ż-żieda qawwija li tidher fl-aħħar kont inqasmet fuq il-ħames kontijiet preċedenti, allura dan kien isarraf f’kontijiet ferm orħos għaliex din il-familja ma kenitx tkun soġġetta tħallas l-ogħla rati. Dan ifisser li din il-familja nsterqet €254 fuq xahrejn biss

Il-PN fil-Gvern iwaqqaf is-serq u l-poplu ma jibqax iħallas kontijiet ogħla Il-Partit Nazzjonalista se jkun kapaċi jwassal għal sistema ta’ kontijiet sostenibbli. Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li hemm numru ta’ miżuri li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed idaħħal mill-ewwel kif ikun fil-Gvern, fosthom:

  1. Il-Partit Nazzjonalista jirranġa l-mekkaniżmu eżistenti billi l-familji Maltin ma jkunux iċċarġjati b’rati għoljin fuq perjodu ta’ sena jekk ma jkunux ikkunsmaw ir-rati oħros kollha li huma dovuti lilhom bl-Avviż Legali.
  2. Il-Partit Nazzjonalista jintrabat li jixtri l-enerġija mingħand l-orħos sors b’differenza għall-Gvern Laburista li rabat lill-pajjiż li jrid jixtri 80 fil-mija tal-enerġija mill-Electrogas mhux biss meta għandna bżonnha imma anki meta m’għandniex bżonnha.
  3. Il-Partit Nazzjonalista jassigura li l-Electrogas iħallsu l-€40 miljun taxxa li l-Eks Ministru korrott Konrad Mizzi ħafer lill-Electrogas.
  4. Il-Partit Nazzjonalista jinħall mill-proġett korrott tal-imtieħen tar-riħ fil-Montenegro u nirkupraw lura €7 miljun li ħallasna aktar għall-proġett u minflok ninvestu fl-imtieħen tar-riħ fuq il-baħar f’Malta u noħolqu x-xogħol għall-Maltin.
  5. Il-Partit Nazzjonalista jassigura provista ta’ gass mill-orħos sors minflok mingħand is-Socar li skont il-ġurnal The Guardian qed jiswa lil Malta €40 miljun f’kull transazzjoni.

Il-kontijiet ogħla tad-dawl u l-ilma qed ikabbru l-faqar dirett… u jiżdied l-għadd ta’ dawk fil-periklu tal-faqar

L-impatt ta’ dawn il-kontijiet ogħla li qed jirċievu l-familji Maltin u Għawdxin mingħand il-Gvern hu wieħed qawwi fi żmien fejn qed naraw l-għoli tal-ħajja jkompli tiżdied. Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li meta wieħed jitkellem dwar il-faxxa tal-faqar fil-pajjiż ma jkunx qiegħed jesaġera jew jivvinta.

F’pajjiżna hawn eluf li direttament huma fil-faxxa tal-faqar għaliex ma jistgħux ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja, iżda hawn ħafna aktar eluf ta’ nies li jinsabu fir-riskju li jaqgħu fil-faxxa tal-faqar għaliex il-ħruġ tagħhom ma jpaċix id-dħul li għandhom. Il-Gvern Laburista, medhi f’ħafna xenxilli u kliem sabiħ, jidher li qed jiġi jaqa’ u jqum minn din ir-realtà li qed ngħixu f’pajjiżna u mhux biss qed iħalli ras il-monstru tal-għoli tal-ħajja jgħolli rasu u ma jagħmel xejn, iżda agħar minhekk qed iħalli tkompli għaddejja sitwazzjoni mill-aktar assurda fejn familja tikkonsma X ewro f’dawl u fl-ilma, iżda din tirċievi kont ta’ X+xx ewro għall-istess konsum…serq sfaċċat.

U din is-serqa sfaċċata qed twassal biex tkun ta’ piż għal tant u tant familji u individwi li huma kostretti jaraw kif se jħallsu għall-kontijiet għaliex inkella jispiċċaw bla dawl u bla ilma.

Tama għal kontijiet ġenwini biex ħadd ma jħallas aktar milli jikkonsma Ryan Callus temm jgħid li l-Gvern Laburista ta’ Robert Abela hu determinat li ma jraħħasx il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Hu determinat ukoll li tal-inqas ma jagħtix lura lill-familji Maltin u Għawdxin dawk il-flus misruqa lilhom meta dawn ħallsu kontijiet ferm ogħla għadd-dawl u l-ilma u għat-tul tad-disa’ snin li għaddew.

Naturalment il-poplu jistenna tweġiba dwar din is-serqa kontinwa. Kemm se jdum jinsteraq il-poplu Malti? U għaliex b’kapriċċ ta’ xi ħadd għandha tissokta din is-serqa?

L-unika tama għalhekk biex l-affarijiet jirritornaw għan-normal hu biss permezz ta’ vot lill-Partit Nazzjonalista li mhux biss jaħdem biex jerġa’ jġib in-normalità f’pajjiżna, iżda jaħdem biex il-poplu Malti u Għawdxi ma jkomplix jinsteraq b’dan il-mod sfaċċat. Għaliex jekk Robert Abela u ta’ madwaru huma komdi u b’ħafna lussu, il-poplu Malti u Għawdxi ma hux komdu u l-kontijiet ogħla tad-dawl u l-ilma flimkien mal-għoli tal-ħajja qed inisslu aktar kriżijiet serji fost aktar familji… li wħud lura issa daħlu f’sitwazzjoni xejn sabiħa li qed jaqgħu lura milli jħallsu l-kontijiet li jiġuhom għaliex ma jistgħu jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja, temm Ryan Callus.

Il-Gvern Laburista jaf li l-mekkaniżmu hu żbaljat… u li l-vittmi għal dan huma l-familji Il-problema nħolqot meta l-Gvern Laburista permezz tal-ARMS, allura fl-2013, beda joħroġ sitt kontijiet tad-dawl u l-ilma ‘Attwali’ minflok erba’ ‘Stima’ u tnejn ‘Attwali’.

Filwaqt li n-numru ta’ kontijiet li jinħarġu kull sena ma nbidlux, il-mod kif jinħarġu nbidel. Dan wassal biex tinħolqot inġustizzja fil-mekkaniżmu ta’ kif jinħadmu l-kontijiet. Ryan Callus spjega li dak li ġara fis-sajf li għadda, fl-eqqel tas-sħana straordinarja li kellna u meta ħafna familji, għamlu użu mis-servizz tal-ajra kundizzjonata, dan wassal biex naturalment il-konsum tal-enerġija żdied b’mod sostanzjali.

“F’dawn l-aħħar ġimgħat kellmuna mijiet ta’ familji fejn rajna sitwazzjoni komuni għal ħafna familji li l-kont tad-dawl tagħhom għall-perjodu Lulju-Awwissu 2021 kien saħansitra d-doppju u t-tripplu meta komparat ma’ kontijiet oħrajn fl-istess perjodu ta’ sena ilu.

“Il-Partit Nazzjonalista mhux qed jgħid li l-familji m’għandhomx iħallsu għall-kontijiet tagħhom, iżda qed jiġġieled inġustizzja li ħoloq il-Gvern Laburista fejn il-familji qed iħallsu kontijiet li għandhom ikunu ferm orħos. “Kellna każijiet ripetuti fejn kont ta’ familja ta’ erba’ min-nies – il-ġenituri u żewġt itfal – li kellu €190 żejda fuq kont ta’ €790. Kont ieħor ta’ anzjan li jgħix waħdu li ħallas €10 aktar fuq kont ta’ €90. Din tista’ tidher ftit għal min jaħdem, iżda għal min hu pensjonant din l-€10 f’xahrejn tfisser li tkun ħaditlu ż-żieda tal-għoli tal-ħajja ta’ €1.75 fil-ġimgħa f’ħakka t’għajn,” qal Ryan Callus.

Tags