Lokali

Il-pazjenti, dawk viċinhom kif ukoll is-settur mediku relatat qed jibku għall-azzjoni konkreta immedjata

“Bħal kif qiegħed jiġri madwar id-dinja kollha, anki f’Malta l-problemi dwar is-Saħħa Mentali qed jiżdiedu u jinfirxu, u għalhekk hemm bżonn li jikber l-investiment f’dan is-settur tant delikat.

“Pajjiżna għandu bżonn ta’ investiment bis-serjetà fis-settur tas-Saħħa Mentali fejn hawn wisq tbatijiet kemm mill-pazjenti nfushom u kemm mill-familji tagħhom. Din il-kwistjoni issa saret waħda ta’ urġenza u prijorità assoluta u li ma tistax tibqa’ tistenna. Tkellimna biżżejjed. Saru ħafna studji…iżda issa wasal il-mument tal-azzjoni. L-Isptar attwali Mount Carmel hu ferm ’il bogħod biex il-pazjenti jingħataw l-aħjar u l-aqwa kura għall-problemi ta’ saħħa mentali li jkollhom.”

Din id-dikjarazzjoni għamilha d-Deputat Nazzjonalista Mario Galea, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista dwar is-Saħħa Mentali, f’intervista estensiva ma’ Il-Mument li fiha tkellem dwar kif il-problema tas-Saħħa Mentali fil-gżejjer Maltin qiegħda tiżdied b’rata mgħaġġla sal-punt li issa sar ferm importanti li l-awtoritajiet konċernati jindirizzaw bis-serjetà din il-kwistjoni tat-tħassib li qed tolqot mhux biss lill-istess persuni bi problemi ta’ Saħħa Mentali, imma anki lill-familjari tagħhom.

Investiment fil-kura u fis-servizzi Mario Galea beda biex qal li sfortunatament madwar id-dinja, is-Saħħa Mentali hi meqjusa bħala xi ħaġa tat-tieni klassi. Jirriżulta li l-politiċi madwar id-dinja aktar jieħdu gost li jinvestu l-flus fir-robotika u f’apparat diġitali li hu importanti wkoll, iżda l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) tgħid li ma hemm l-ebda saħħa fiżika kemm-il darba ma jkunx hemm ukoll is-Saħħa Mentali. Allura jirriżulta li hawn nuqqas ta’ investiment fis-Saħħa Mentali.

Din hi nuqqas ta’ viżjoni mill-politiċi għaliex is-Saħħa Mentali biex tikkuraha jirrikjedi ħafna flus. Is-Saħħa Mentali fih ħafna effetti u konsegwenzi, fost l-oħrajn fuq l-ekonomija tal-pajjiż… pressjoni fuq is-servizzi soċjali għaliex aktar nies jirtiraw mis-suq tax-xogħol; telf ta’ nies b’esperjenza fis-swieq tax-xogħol; nuqqas ta’ riżorsi umani speċjalizzati; aktar telf ta’ ġranet tax-xogħol; pressjoni akbar fuq is-servizzi tas-saħħa; spiża ferm akbar fuq is-servizzi tas-saħħa…

Dan kollu għaliex kull min ibati minn problemi ta’ Saħħa Mentali għandu aktar ċans li jkollu kundizzjonijiet fiżiċi oħrajn. Wieħed jista’ jsemmi l-kwistjoni tad-dipressjoni fejn hu stmat globalment madwar id-dinja, inkluż f’Malta, li minn kull mitt persuna li tbati bid-dipressjoni, tletin biss jieħu xi forma ta’ kura. Hemm diversi raġunijiet għal dan, imma ewlenija hi l-istigma li għadha tgeżwer il-problemi li jirrigwardaw il-mard mentali. L-akbar problema hi dipressjoni mhux ikkurata, tibqa’ l-kawża ewlenija li tista’ twassal għas-suwiċidju.

Fil-verità kura għad-dipressjoni hawn, iżda sfortunatament ftit huma dawk li jirrikorru għaliha minħabba l-kwistjoni tal istigma. Strateġija nazzjonali dwar is-suwiċidju Tkellimna dwar is-suwiċidju u Mario Galea qal li s-suwiċidju tant qiegħed jgħolli rasu madwar id-dinja li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qed tgħid li bħalissa s-suwiċidju llum fid-dinja għandu rata ta’ mewta kull erbgħin sekonda! Minn hawn u ftit taż-żmien, u din ir-rata diġà bdiet, dan se jitla’ għal suwiċidju kull għoxrin sekonda.

Ir-rata tas-suwiċidju qed tiżdied kullimkien fid-dinja, inkluż f’Malta. Ta’ min isemmi wkoll li għal kull suwiċidju li sfortunatament jirnexxi, ikun hemm mal-għoxrin attentat li ma jirnexxux. Għalhekk għandna bżonn ta’ strateġija nazzjonali li tindirizza l-kwistjoni tas-suwiċidju li minn naħa tagħha l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qed issejjaħ din il kwistjoni bħala ‘traġedja dinjija’. Jekk wieħed iħares lejn l-istatistika jsib li ta’ kull sena d-dinja qed titlef aktar minn miljun persuna li għal xi raġuni jkunu għamlu suwiċidju. Din ir-rata fi ftit taż-żmien se tirdoppja.

Allura hemm bżonn ta’ strateġija nazzjonali, fosthom il-ħolqien mill-ġdid ta’ Crisis Intervention Team li kien diġà jeżisti u li tneħħa minn dan il-Gvern kif kien elett. Dan kien tim effettiv iffurmat mill-Maltin u tant kien effettiv li l-Belġjani kienu ġew Malta speċifikament biex jaraw kif jaħdem ħalli jikkupjaw l-idea.

Wara li l-Partit Nazzjonalista ilu mill-2013 jappella biex dan il-Crisis Intervention Team li fost l-oħrajn jsegwi l-każijiet ta’ suwiċidju u fil-ħidma tiegħu salva ħafna ħajjiet, jerġa’ jitwaqqaf mill-ġdid. Fil-fatt id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne għamel il-wiegħda tiegħu li dan il-Crises Intervention Team jerġa’ jitwaqqaf mill-ġdid fi żmien tliet ġimgħt oħra. Mario Galea qal li hemm bżonn li dwar is-suwiċidju wieħed jitkellem bl-aktar ton ċar għaliex hawn ħafna ideat żbaljati. Kull persuna fil-verità tista’ twassal biex issalva l-ħajja ta’ xi ħadd li jkun fil-periklu li jwettaq suwiċidju.

L-ideat foloz jinkludu l-argument li meta xi ħadd jitkellem ċar dwar is-suwiċidju allura jkun qiegħed iħajjar oħrajn biex jikkommettuh. Din hi stqarrija għalkollox żbaljata għaliex jirriżulta li aktar ma wieħed jitkellem ċar dwar is-suwiċidju, allura aktar ikunu salvati ħajjiet li fil-verità jkunu fil-periklu. Hemm min jgħid li jekk tiltaqa’ ma’ xi ħadd li jgħidlek li jrid ineħħi ħajtu, teħdux bis-serjetà għaliex ikun biss bluff. Din hi stqarrija oħra għalkollox żbaljata għaliex meta persuna tgħid kliem f’dan is-sens għandha tittieħed bl-akbar serjetà… anki jekk dak li jkun ikun qed jgħid tali diskors biċ-ċajt.

Persuni bħal dawn tajjeb li wieħed jistaqsihom direttament jekk ikunu qed jikkontemplaw li jneħħu ħajjithom b’idhom. Tajjeb li dawn il-persuni jkunu mismugħa u eventwalment jittieħdu biex jingħataw l-għajnuna li jkollhom bżonn. B’hekk dak li jkun ikun qiegħed isalva l-ħajja ta’ xi ħadd fil-periklu għaliex ikun fi stat vulnerabbli.

Hemm min jgħid kliem ukoll li ta’ madwaru jkunu jafu xi jfisser darba jeħilsu minnu darba għal dejjem. Anki diskors bħal dan m’għandux jitħalla għaddej qisu mhu xejn. Għandhom bżonn l-għajnuna wkoll dawk il-persuni li jkunu qed ifittxu siti fuq il-kompjuter relatati mas-suwiċidju. Hi idea oħra żbaljata li min ikun irid iwettaq suwiċidju, jiġri x’jiġri dan se jwettqu xorta waħda. Hu fatt ippruvat li ħafna nies li jwettqu s-suwiċidju ma jkunux iridu jneħħu ħajjithom, iżda jkunu jridu biss jaraw fil-mewt bħala l-unika ħaġa li se tneħħilhom il-problemi li jkollhom fil-ħajja tagħhom.

“Ħafna nies li ppruvaw jagħmlu s-suwiċidju, inkluż jien li kont viċin ħafna tas-suwiċidju, meta jgħaddi ż-żmien jirringrazzaw lil Alla li fil-fatt ma jkunux għamlu s-suwiċidju.” Studju li sar dwar nies li kienu jaqbżu minn pont partikulari barra minn Matla, jirriżultaw li ħafna minn dawk li salvaw qalu li kif qabżu eżatt beda jiddispjaċihom li kienu għamlu dak il-pass. Id-Deputat Nazzjonalista fisser li hemm l-idea żbaljata wkoll li min iwettaq is-suwiċidju jkun għamel hekk għaliex ma jkunx ħa l-kura li kellu bżonn. Din hi idea żbaljata għaliex hemm numru sostanzjali ta’ min wettaq is-suwiċidju li jkun ra professjonisti sa sitt xhur qabel ma kkommetta s-suwiċidju.

Mario Galea tkellem ukoll dwar il-front liners li ħadmu qatigħ u b’sagrifiċċji kbar u anki b’riskji kbar matul il-pandemija tal-Covid-19 u qal li għadd kbir ta’ tobba u infermieri madwar id-dinja kienu nfettati bil-virus. Skont studji xjentifiċi li saru mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, minn meta bdiet il-pandemija tal-Covid-19 sa Marzu ta’ din is-sena, mietu mill-inqas 115,000 frontliner bejn tobba u infermieri.

Id-Direttur Ġenerali tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa jgħid li n-numru tant hu kbir li qisu għandek ajruplan kbir tal-passiġġieri li ġġarraf kuljum għal sbatax-il xahar. Mario Galea kompla li wasal il-mument li lil dawn il-frontliners il-Gvern jagħtihom l-għajnuna psikoloġika li għandhom bżonn. Studju internazzjonali juri li t-tobba u l-infermieri li ħadmu fil-Covid-19, jistgħu jgħaddu minn problemi mentali li jgħidulhom Post Traumatic Stress Disorter… l-istess bħas- suldati li servew f’xi gwerra qalila. Daqshekk hi serja s-sitwazzjoni.

Anki l-media għandha titkellem ċar dwar dawn is-suġġetti u tingħaqad fi ġlieda kontra l-istigma dwar il-problemi tas-Saħħa Mentali. B’hekk il-media tkun qed tħajjar aktar nies biex ifittxu l-kura li jkollhom bżonn. Għandna bżonn ukoll li f’kull post tax-xogħol, kbir jew żgħir, ikun hemm mental health policy. Dan ifisser li impjegati li jkunu għaddejjin minn problemi ta’ Saħħa Mentali jingħataw l-għajnuna mill-ewwel. Ħaġa bħal din tgħin ukoll lil min iħaddem. Sptar ġdid psikjatriku Mario Galea enfasizza li l-ħtieġa ta’ sptar ġdid għas-Saħħa Mentali li jkun jinfed mal-Isptar Mater Dei.

L-Isptar Monte Carmeli li għandna bħalissa ilu mibni mat-300 sena u llum bla dubju ta’ xejn li m’għadux adegwat għall-kura tal-pazjenti bi problemi ta’ Saħħa Mentali. Apparti milli din hi binja antika ħafna u li mhix tgħin biex tingħata l-kura meħtieġa u mixtieqa, tajjeb li wieħed jgħid ukoll li fl-Isptar Monte Carmeli qed ikun hemm iffullar ta’ pazjenti. Ma jreġix l-argumenti li jinbena sptar ġdid li jkun l-aktar lussuż possibbli li iżda jinbena lil hinn mill-Isptar Mater Dei.

Qabel ma nbena l-Isptar Monte Carmeli, il-pazjenti bi problemi ta’ Saħħa Mentali kienu jinżammu f’Villa ‘Casa Francone’. Minn hemm żviluppa l-isem ta’ “frankuni” u ċioè l-istigma ta’ “frankuni”. Meta nbena l-Isptar Mount Carmel f’Ħ’Attard, għaliex kien maqtugħ min-nies, in-nies bdew isejħulu “titla’ hemm fuq”. Għalhekk jekk ikollna sptar ġdid tal-psikjatrija li jkun jinfed mal-Isptar Mater Dei, allura n-nies awtomatikament jgħidu li dak it-tali pazjent ittieħed fl-Isptar Mater Dei.

Mario Galea qal li “pajjiżna għandu bżonn urġenti wkoll ta’ aktar riżorsi umani, jiġifieri professjonisti, psikjatri, psikologi u infermieri speċjalizzati fis-Saħħa Mentali. “Pajjiżna għandu bżonn ukoll ta’ aktar servizzi dwar is-Saħħa Mentali li jingħataw direttament fil-komunità.”

Mario Galea temm li investiment bis-serjetà fis-Saħħa Mentali issa hu prijorità assoluta li ma tistax tibqa’ tistenna. “Tkellimna biżżejjed, saru ħafna studji… issa wasal il-mument tal-azzjoni.”

Tags