Lokali

Il-Pulizija tinvestiga l-allegazzjonijiet dwar Alex Dalli – Illum

Il-ġurnal ‘Illum’ żvela li l-Pulizija qed tinvestiga l-allegat aġir tad-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Alex Dalli.

Dan wara li f’ħarġa preċedenti, l-istess gazzetta ppublikat storja fejn ġie allegat li d-Direttur tal-ħabs hedded lill-priġunieri b’arma tan-nar li jżomm fuqu u għaldaqstant il-Pulizija allegatament sejħet xi persuni sabiex tistaqsihom dwar dan.

Il-ġurnal Illum irrapportat li l-Pulizija sejħu xi persuni fl-Għassa ta’ Raħal Ġdid sabiex jagħmlulhom xi domandi b’rabta ma’ dan il-każ, u saru wkoll xi laqgħat mal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà u uffiċjali oħrajn fid-Depot tal-Furjana.

Wara l-allegazzjonijiet tal-eks gwardjan tal-ħabs Emmanuel Cassar, il-Pulizija jidher li qed jistaqsu kienx hemm aktar gwardjani jew uffiċjali oħrajn li raw dan l-aġir iseħħ quddiemhom minn naha tal-kurunell Dalli.  Dan filwaqt li l-ġurnal Illum spjega li l-Pulizija qed jiġbru wkoll xi informazzjoni mill-priġunieri nfushom.

Emmanuel Cassar kien żvela mal-imsemmi ġurnal li kien ra lil Dalli jdaħħal arma tan-nar f’ħalq priġunier u jheddu li jekk mhux se joqgħod ta’ nies kien se jaħli l-arma tan-nar fuqu. Huwa saħaq ukoll li rah ipoġġi arma tan-nar ma ras priġuniera.

Il-gazzetta spjegat li tkellmet ma sorsi oħrajn, inkluż aktar gwardjani, li kkonfermaw dawn l-inċidenti u ikkonfermaw oħrajn…inkluż is-siġġu tal-kastig, u li hemm ħitan fil-ħabs li qed jinżebgħu suwed.

Il-gazzetta spjegat li ihau ‘il fuq minn 4 ġimgħat tistenna tweġiba mingħand Alex Dalli u l-Ministeru tal-Intern li responsabbli minnu huwa l-Ministru Byron Camilleri, wara li ntbgħatilhom set ta’ mistoqsijiet.

Minflok wieġbu però, id-Direttur tal-Ħabs fetaħ libell kontra l-eks gwardjan Emmanuel Cassar, u lil ġurnal Illum….wara li fetaħ libell ieħor proprju lil Net News wara li eks priġunier irrakkonta kif l-istess Dalli hedded lilu u priġunieri oħrajn li jbattal pistola fuqhom.

Il-mistoqsijiet jibqgħu mhux imwieġba waqt li x-xhieda u l-allegazzjonijiet minn ġewwa l-ħabs ta’ Kordin jibqgħu jiżdiedu.