Lokali Sport Sport Ieħor

Imut l-eks Imħallef Lino Farrugia Sacco

Tħabbret il-mewt tal-eks Imħallef Lino Farrugia Sacco, fl-età ta’ 72 sena. Hu twieled f’Awwissu 1949 u ħa l-edukazzjoni fil-Kulleġġ San Albert, filwaqt li fl-1969 iggradwa fl-Università ta’ Malta.

Farrugia Sacco serva bħala Avukat għal aktar minn seba’ snin, 16-il sena bħala Maġistrat u mill-1997 bħala Imħallef.

L-eks Imħallef jibqa’ magħruf ukoll wara li serva bħala l-Ewwel Viċi President tal-Kumitat Olimpiku Malti u Viċi President tal-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa għal Malta, fost karigi oħrajn.

Fl-1999 hu nħatar bħala President tal-Kumitat Olimpiku Malti u nħatar mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali bħala membru tal-CAS u mill-Commonwealth bħala membru tal-CABOS.

Fl-1993, hu nħatar President tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp fil-Ħamrun, fejn ħadem ħafna għall-għaqda bejn il-Parroċċa u l-Każini tal-Banda.