Lokali

Jammetti li l-investiment ta’ Steward mhux biżżejjed

Fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex hemm ħafna aktar xi jsir. Din hi t-tweġiba li ta l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri f’intervista mal-gazzetta Malta Independent on Sunday meta mistoqsi dwar Steward Health Care u jekk l-investimenti laħqux mal-miri mitlubin minnhom.

Hu ammetta li l-investiment li qed isir fl-Isptar ta’ Għawdex mhux biżżejjed, iżda filwaqt li pprova jiġborha bin-narrattiva negattiva u attakk partiġġjan, hu farfar in-nuqqas ta’ investiment min-naħa ta’ Steward fuq il-Ministri Chris Fearne u Clyde Caruana.

Dan filwaqt li Clint Camilleri wasal biex qabel mal-Partit Nazzjonalista meta sostna li hemm bżonn li ċerti servizzi tas-saħħa jibdew jingħataw mhux biss f’Malta iżda anke f’Għawdex, bħall-kimoterapija.

Il-Ministru ma eskludiex ukoll li l-Gvern jieħu lura l-Isptar ta’ Għawdex f’idejh, ukoll appell kostanti tal-Partit Nazzjonalista, appell li s’issa waqa’ fuq widnejn torox.

Sadanittant, wara li ġie ppublikat l-istudju dwar il-Malta Metro – studju li ma jinkludix lil Għawdex, u studju li qed jipproponi wkoll li d-Depot tal-Metro tinbena fuq is-sit fejn suppost ġejja t-trakka tal-motorsport f’Ħal Far – issa l-istess Ministru mhux jeskludi l-possibilità li l-pjanijiet jestendu wkoll lejn il-gżira Għawdxija.

Tags