Lokali Saħħa

“L-infermieri baqgħu jiġu injorati” – L-MUMN ma teskludix aktar direttivi

Iż-żieda qawwija fil-listi ta’ operazzjonijiet li tmexxew għal waranofsinhar għandhom jieqfu sat-Tnejn, l-1 ta’ Novembru. U jekk dan ma jsirx, se tkun qed tiġi estiża d-direttiva tad-Day Surgery għal kull sala oħra.

Hekk sostniet f’ittra mgħotija lil Net News minn membri tal-istaff, ittra indirizzata lill-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Celia Falzon u d-Direttur Mediku tal-Isptar Walter Busuttil mingħand l-Unjin tal-Infermieri u l-Qwiebel, iffirmata mill-President Paul Pace, hekk kif preżentament, l-MUMN għaddejjin b’direttiva li pazjenti ma jistgħux jidħlu fid-Day Surgery wara l-4 ta’ waranofsinhar.

Dan hekk kif fl-ittra, l-MUMN tikkritika l-mod deskritt mill-unjin bħala irresponsabbli li l-Management tal-Isptar Mater Dei qed jimxi bih biż-żieda fil-listi tat-teatri u saħansitra mexxew għadd ta’ listi għal waranofsinhar. Dan, skont Paul Pace, mingħajr lanqas biss ikkalkulaw l-impatt fuq l-infermieri.

L-MUMN saħqet li bħas-soltu, l-infermieri ġew injorati u kkunsidrati bħala xkiel, partikolarment meta jitkellmu għad-drittijiet tagħhom, b’għadd ta’ emails ma jiġux imwieġba mit-tmexxija.

L-unjin saħqet li bħas-soltu, il-Management tal-Isptar jisimgħu biss meta jkunu mħabbra d-direttivi, hekk kif meta l-infermieri jsemmgħu leħinhom, xorta waħda jiġu injorati għal kollox.

Fl-ittra, Paul Pace insista li preżentament, l-infermieri stazzjonati fis-Sala tad-Day Surgery jinsabu fuq ‘skeleton staff’, hekk kif qed jaħdmu bis-sigħat imnaqqsin.

L-Unjin saħqet li biż-żieda fil-listi li hemm fit-teatri, hemm bżonn mill-anqas 4 infermieri oħrajn full-time, bl-MUMN tinsisti li bl-elezzjoni wara l-kantuniera, huma n-numru ta’ persuni li se jinqdew l-aktar importanti għat-tmexxija bl-impatt fuq il-ħaddiema jibqa’ jiġi injorat għal kollox.

Għaldaqstant, l-MUMN tat ultimatum lit-tmexxija tal-Isptar Mater Dei: jew jiltaqgħu għad-diskussjoni it-Tnejn biex il-listi jkunu jirriflettu l-eżiġenzi tal-impjegati, inkella t-Tlieta kull Sala fl-Isptar ikollha tħabbat wiċċha mad-direttivi.