Lesti nkunu l-bidla biex nagħtu d-direzzjoni t-tajba lil pajjiżna. Hekk iddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech matul intervista fuq NET Television, NET FM u l-media soċjali, meta mistoqsi dwar stħarriġ li wera kif iż-żgħażagħ qed jaqtgħu qalbhom minn pajjiżna.
Bernard Grech qal li dan is-survey hu inkwetanti għax iż-żgħażagħ m’humiex jaraw tama fil-pajjiż. Dan anke wara li fi tmien snin, Malta u Għawdex tagħna marru lura u mhux ‘il quddiem.
Tenna li dan hu inkwetanti wkoll għax iż-żgħażagħ għadhom mimlijin enerġija, kif dejjem kienu, iżda jippreferu jitilqu minn pajjiżna għax m’humiex jaraw futur. Għaldaqstant, irridu naraw li, lil hinn mis-slogans u l-kliem sabiħ, irridu naraw kif iż-żgħażagħ jerġgħu jibdew jemmnu f’pajjiżna.
Bernard Grech qal li, għaldaqstant, hemm bżonn koalizzjoni tal-Partit Nazzjonalista mal-poplu kollu, inkluż iż-żgħażagħ, biex ikunu parti mill-politika għax il-politiku waħdu mhux biżżejjed biex isolvi dawn il-problemi.
Dwar l-Ambjent, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li sa minn meta laħaq fit-tmexxija tal-Parit, ilu jgħid li dan is-settur għandu jkun wieħed mill-pilastri tal-politika tal-Partit. Hu għalhekk li rridu naraw li nipproteġu ċ-ċentri urbani ta’ madwarna quddiem l-avvanz ekonomiku li qed iwassal għal konkrit kullimkien.
Bernard Grech tenna li l-avvanz mhux biss li jkollna l-miljuni fil-bwiet tan-nies, iżda li jkollna Ambjent san, fejn wieħed ikollu aktar pulmuni fejn igawdi l-arja pura. Hu għalhekk li, bħala Prim Ministru, jara li zoni barra mill-iżvilupp jinbidlu wara vot ta’ żewġ terzi tal-Parlament ħalli pajjiżna jkun aktar protett għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal ukoll li mhux aċċettabbli li l-Gvern ta’ Robert Abela qed jibqa’ jisraq lill-poplu mill-kontijiet tad-dawl, b’kultura anti-Soċjalista. Dan minkejja li l-Prim Ministru diġà ammetta li hemm min qed jinsteraq, iżda baqa’ ma jrid jagħmel xejn biex jagħti lura l-flus li qed jinsterqu ta’ kuljum.
Spjega li pajjiżna għandu Prim Ministru li jaf li qed jisirqek, imma se jkompli jisirqek. Hu għalhekk li Gvern ġdid Nazzjonalista jrodd lura l-flus li nsterqu, filwaqt li jara li jwaqqaf is-serq b’metodu aktar ġust ta’ kif jinħadmu l-kontijiet. Dan filwaqt li jwaqqaf il-miljuni f’serq ta’ korruzzjoni li għamel il-Gvern Laburista fl-aħħar snin.
Dwar il-fatt li l-Gvern Laburista għadu qed jiddefendi lill-eks Ministru Konrad Mizzi f’diversi ċirkostanzi, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan juri li Konrad Mizzi għadu parti integrali mill-Partit ta’ Robert Abela. Hu għalhekk li staqsa fil-Parlament x’jaf l-eks Ministru Laburista fuq Abela u n-nies ta’ madwaru.
Dwar il-mod kif il-Gvern Laburista falla fil-Governanza t-Tajba, Bernard Grech qal li Gvern ġdid immexxi minnu jara li jimxi mal-proposti tal-korpi kostitwiti kollha ħalli kull ewro li jiġbor il-Gvern jintefqu bl-aħjar mod possibbli. Għax filwaqt li hu normali li jingħataw direct orders, dawn għandhom ikunu l-eċċezzjoni u mhux in-norma, kif ukoll li dawn jingħataw kif suppost.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera wkoll għad-dikjarazzjoni tal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne dwar il-kuntratt ma’ Steward, fejn iddikjara li dan hu każ ieħor tal-korruzzjoni tal-Gvern Laburista. U dan hu kkonfermat mill-fatt li l-Vitals u Steward ma għamlu xejn biex itejbu t-tliet sptarijiet pubbliċi li għandhom f’idejhom.
Hu għalhekk, qal, li Gvern ġdid Nazzjonalista jerġa’ jagħti lura t-tliet sptarijiet pubbliċi lill-poplu tagħna.
Dan kollu qed juri li l-Gvern Laburista hu mifni minn skandlu wara l-ieħor. Għaldaqstant, tenna li Gvern ġdid immexxi minnu joħroġ lil pajjiżna mil-lista l-griża tal-FATF, li qed ittappan ir-reputazzjoni u isem Malta u Għawdex tagħna. Bl-istess mod, li Robert Abela kien immatur meta ħalla lin-nies jispekulaw dwar meta ġejja l-elezzjoni ġenerali, fost inċertezzi qalb in-negozjanti.
Quddiem dan kollu, il-Partit Laburista qed ikun dgħajjef, b’attakki personali fuq il-media u fil-Parlament, kif ukoll billi ma jwieġbux għall-mistoqsijiet b’mod arroganti. Dan f’tentattiv li jgħaddu romblu minn fuq kulħadd.
Għaldaqtsant, tenna li rridu nirrispettaw aktar lil xulxin u nużaw il-vot favur ir-rispett reċiproku u l-maturità.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm billi qal li jrid jibqa’ jżomm kuntatt maż-żgħażagħ biex jara li Malta u Għawdex tagħna jibqgħu l-gżejjer tagħhom. Il-Partit immexxi minnu dejjem ħadem biex il-kwalità tal-ħajja titjieb, iżda issa rridu naraw li pajjiżna ma jintilifx.
//= $special ?>