Lokali

Mason u Hayden: Żewġt itfal b’diżabbiltà mċaħħda milli jattendu l-iskola bħal sħabhom

Fis-sena skolastika 2021/22 u fl-isfond ta’ ħafna ftaħir dwar kemm qed isiru investimenti fl-edukazzjoni, għad fadal tfal li minħabba l-burokrazija tal-Gvern preżenti ma jistgħux jattendu għat-tagħlim fl-iskejjel tagħna.

Dawn huma żewġ subien – Mason u Hayden – li għandhom bżonnijiet speċjali, iżda l-Ministeru tal-Edukazzjoni sa issa m’għarafx isolvi l-problemi tal-ħtiġijiet ta’ dawn iż-żewġt itfal, li huma minn lokalitajiet differenti, biex bħal sħabhom jattendu għat-tagħlim fl-iskola primarja rispettiva tagħhom.

Minn investigazzjonijiet li għamel Il-Mument jirriżulta li t-tfajjel Mason mhux qed imur skola minħabba li l-mediċina li jrid jieħu jew jingħata waqt il-ħinijiet tal-iskola, trid tingħatalu minn infermiera li trid tkun preżenti biex tagħtih din il- mediċina.

Minħabba li fl-Iskola Primarja tal-Mosta ma hemmx il-faċilità ta’ infermiera, allura dan it-tifel tal-primarja ma jistax jattendi l-iskola. Dan anki wara li l-familja għandha f’idha r-rapport – State Menting Report – li juri li dan it-tifel għandu bżonn jieħu l-mediċina waqt li jkun l-iskola, iżda l-istess Dipartiment tal-Edukazzjoni għadu ma pprovdiex infermiera biex Mason ikun jista’ jattendi l-iskola u hemmhekk jingħata l-mediċini li għandu bżonn.

Każ ieħor hu dak ta’ Hayden, tifel ieħor tal-primarja, li għalkemm ukoll lill-familja ngħatalha dak li hu magħruf bħala State Menting Report, għal one-to-one LSA u rapport ieħor li ġie jiswa lill-familja madwar €2,000, l-Iskola Primarja ta’ Raħal Ġdid għadha sal-lum ma tistax tilqa’ lil dan it-tifel l-iskola minħabba nuqqas ta’ preparazzjoni u komunikazzjoni. Raġuni oħra għaliex dan it-tifel ma jistax jibda jattendi għat-tagħlim hi minħabba nuqqas ta’ laqgħa li kellha ssir u li għadha ma saritx bejn il-ġenituri, it-terapisti, l-għalliema, l-għalliema tal-LSA u l-Kap tal-Iskola ta’ Raħal Ġdid. F’din il laqgħa kellu jkun imfassal dak li jkun irid isegwi Hayden biex ikun jista’ jattendi l-iskola.

Dan hu tifel li għandu bżonn speċjali dwar l-imġiba tiegħu u l-familja għamlet u qed tagħmel dak kollu mitlub minnha fir-rigward tat-terapija u l-mediċini li t-tifel għandu bżonn jieħu, imma sal-lum il-ġurnata dan id-dritt għall-edukazzjoni tat-tifel qiegħed ikun imċaħħad lilu.

Dwar dawn iż-żewġ każijiet tkellimna mal-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius, li hu wkoll il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li fisser li dawn huma każijiet umani li jħammru wiċċ il-Gvern għaliex l-ebda tifel jew tifla, hi x’inhi r-raġuni, m’għandu jiċċaħħad mit-tagħlim tal-iskola.

Hu qal li hi ħasra kif il-burokrazija qed twassal biex jgħaddu l-ġimgħat, iżda dawn it-tfal jibqgħu ma jintbagħtux l-iskola. “Hu importanti li ħadd ma jitfa’ r-responsabbiltà minn Dipartiment għal Dipartiment, jew minn Ministeru għall-ieħor… id-Dipartiment tad-Diżabbiltà, id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u d-Dipartiment tas-Saħħa ma jistgħux jibqgħu jwaħħlu f’xulxin dwar dan il-każ iżda għandu jkun hemm koordinazzjoni sħiħa li twassal biex dawn it-tfal jattendu mill-ġdid l-iskola kif għandhom kull dritt li jagħmlu.”

Filwaqt li qal li sa issa ma kien hemm l-ebda reazzjoni min-naħa tal-Gvern dwar dawn iż-żewġ każi, appell lill-Kummissarju għat-Tfal biex tidħol f’dawn il-każijiet u bħall-Oppożizzjoni tkun il-vuċi tat-tfal. “Hu diġà ħażin li hawn mal-5,500 tifel u tifla bla laptop li hu essenzjali għall-edukazzjoni, iżda hu ferm agħar li minħabba nuqqasijiet ta’ koordinazzjoni mill-Gvern jispiċċaw imċaħħda mill-edukazzjoni.

“Dan fl-isfond ta’ rapport li ħareġ ukoll mill-Università ta’ Malta li juri li aktar minn 40 fil-mija tal-persuni b’diżabbiltà jew familji tagħhom mhumiex kuntenti bis-servizzi li qed jingħataw. Dan apparti wkoll mit-tgergir enormi u l-waiting list kbira li hemm biex tfal jingħataw terapija fiċ-Child Development Assessment Unit (CDAU) u l-ispejjeż kbar li ġenituri ta’ tfal bi bżonnijiet speċjali qed iħallsu għat-terapija ta’ wliedhom,” spjega David Agius.

Sadattant fi żvilupp ġdid nhar il-Ġimgħa, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal esprima d-diżappunt tiegħu li jseħħu ċirkustanzi fejn il-priċipju tal-aqwa interessi tat-tfal jitwarrab fil-ġenb… “dan imur kompletament kontra l-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal.”