Fost il-flotta li pparteċipat fit-42 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race kien hemm iż-żewġ jottijiet Jarhead u JYS-JAN li huma amministrati mill-Jarhead Young Sailors Foundation.
Fost l-ekwipaġġ immexxi minn Richard Nicholson, kien hemm diversi żgħażagħ b’eta’ medja ta’ 17-il sena. L-iżgħar membru abbord kien Jake Mallia li għandu 15-il sena, fejn il-fatt li rnexxielu jtemm it-tellieqa għamlitu kburi u sodisfatt immens. Fuq Jarhead, flimkien ma’ Mallia kien hemm ukoll Alex Siegler, Emilie Gregory, Sean Valentino , Nicky Debono Drury, Angele Vella u Isaac Vassallo.
Min-naħa l-oħra fuq JYS Jan, immexxi minn Matthew Farrugia kien hemm Liam Chilton, fejn fl-eta’ ta’ 16-il sena kien qed jesperjenza l-ewwel tellieqa tiegħu offshore. Flimkien ma Chilton kien hemm ukoll Saul Vassallo, Andrea Vella, Daniel Bajada, Shaun Miggiani, Patrice Pace u Luke Rausi.
“L-ekwipaġġ li ħa sehem fir-Rolex Middle Sea Race ta’ din is-sena kien jifforma parti mill-programm tat-tim Avvanzat li huwa miftuħ għall-baħrin b’esperjenza fl-ibburdjar tal-kategoriji dinghy. Ladarba jintgħażel, it-tim jgħaddi minn taħriġ iebes min taħt l-idejn tal-iskippers ta’ esperjenza bħal Richard Nicholson u Matthew Farrugia. It-taħriġ, fix-xaħrejn ta’ qabel it-tellieqa, kien jinkludi sessjonijiet matul il-lejl”, spjega l-Amministratur tal-JYSF Wilfrid Buttigieg.
Għalkemm ir-Rolex Middle Sea Race ta’din is-sena spiċċat, il-Fondazzjoni se tkompli bil-ħidma bla waqfien tagħha biex tipprovdi lill-baħrin żgħażagħ Maltin l-opportunità li jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom fl-ibburdjar. Il-pjan hu li jkomplu jtellqu lokalment u fil-futur qarib, possibilment barra.
//= $special ?>