L-Eks Ministru Konrad Mizzi kiteb lill-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi li nhar l-Erbgħa li ġej waranofsinhar se jkun qiegħed jidher quddiemu flimkien mal-avukati difensuri tiegħu.
L-Eks Ministru Konrad Mizzi issa ilu għal dan l-aħħar xahar jaħrab milli jidher quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC), l-ewwel billi sfaċċatament ma deherx, imbagħad wara li qal li kien se jfittex avukati biex jiddefenduh iżda dawn ma setgħux jidhru… ħarba kontinwa milli jidher u jwieġeb għad-domandi ta’ dan il-Kumitat Parlamentari prinċipalment dwar il-kuntratt malizzjuż dwar l-Electrogas u dwar l-infiq ta’ flus il-poplu.
Quddiem il-PAC, Konrad Mzzi se jintalab ukoll iwieġeb dwar numru ta’ deċiżjonijiet oħrajn korrotti meħuda minnu u li dwarhom hemm allegazzjonijiet mill-aktar serji. Matul dawn l-erba’ ġimgħat li għaddew il-PAC kemm-il darba sejjaħ lil Konrad Mizzi biex jidher quddiemu biex jagħti rendikont ta’ deċiżjonijiet li hu ħa sal-punt li l-kwistjoni ttellgħet ukoll quddiem il-Plenarja tal-Parlament, fejn ukoll intalab biex jidher quddiem dan il-Kumitat.
Fil-jiem li għaddew kienu għadhom anqas għaddew 24 siegħa minn meta l-Prim Ministru Robert Abela ddikjara li d-Deputati Laburisti ma kienux se jiddefendu lill-Eks Ministru Konrad Mizzi meta rajna lill-istess naħa tal-Gvern tivvota favur Konrad Mizzi nhar it-Tlieta li għadda fl-istess Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi waqt mozzjoni li ressqu d-Deputati Nazzjonalisti membri fil-PAC, Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina u Ryan Callus “biex flimkien nikkundannaw il-fatt li Konrad Mizzi reġa’ ħarab–għar-raba’ darba – milli jidher quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi.”
Nhar l-Erbgħa filgħaxija fil-Parlament imbagħad seħħ żvilupp importanti ieħor hekk kif waqt id-diskussjoni tal-Estimi tal-Ġustizzja, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech – li hu wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja – għamel diskors b’saħħtu ħafna u appella lill-Membri Parlamentari tal-Gvern Laburista biex quddiem l-iskandli u dak kollu li hu ħażin ma jibqgħux jaqbżu għal xulxin u jiddefendu lil xulxin. Għaliex dan l-atteġġjament mhux korrett mal-poplu li fil-Membri Parlamentari kollha għandu jara nies serji li jittellgħu fil-Parlament biex iservu u mhux biex jisservew.
Bernard Grech wissa wkoll lill-Gvern fir-rigward li mhi tiddejjaq xejn tiddefendi lil Konrad Mizzi li għar-raba’ darba baqa’ jaħrab milli jidher quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi. Iżda l-Gvern jibqa’ jaqbeż għalih u jibqa’ jiddefendih u dan hu nsult u weġgħa għan-nies hemm barra.
“Dan hu disprezz kbir lill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Għaliex din l-attituni tal-Gvern? Mela x’jaf fuq kull wieħed u waħda mid-deputati tal-Gvern Konrad Mizzi? X’jaf fuq il-Prim Ministru u fuq l-Eks Prim Ministru? U l-Kummissarju tal-Pulizija kemm hu liberu li jieħu l-passi meħtieġa? Ħarġu għal diversi drabi nuqqasijiet serji li għamel Konrad Mizzi, fosthom trading in influence – iżda flok arrestat u investigat mill-Pulizija jinsab imsiefer!” saħaq Bernard Grech.