West Ham komplew bil-forma mill-aqwa dan l-istaġun hekk f’Villa Park għelbu lil Aston Villa bl-iskor ta’ 4-1. B’din ir-rebħa t-tim immexxi minn David Moyes saħħew posthom fir-raba’ post tal-klassifika b’20 punt, b’punti daqs iċ-champions Man City. West Ham fetħu l-iskor fis-7 minut meta minn pass ta’ Declan Rice, kien Ben Johnson li bix-xellug għeleb lil Emiliano Martinez għal 1-0. Aston Villa kisbu d-draw fl-34 minuta meta minn azzjoni ta’ Emiliano Buendia, kien l-attakkant internazzjonali Ingliż Ollie Watkins li kkonkluda fix-xibka għal 1-1. Erba’ minuti wara West Ham skorjaw it-tieni gowl tagħhom, meta din id-darba kien Declan Rice l-b’xutt mid-distanza kkonkluda fix-xibka għal 2-1. Sa dan il-ħin West Ham kellhom kontroll assolut fuq il-partita b’Aston Villa ftit li xejn ikollhom ċansijiet ta’ skor.
Fil-50 minuta Aston Villa spiċċaw jilagħbu bi plejer inqas meta Ezri Konsa ġie muri l-karta ħamra għal foul fuq Pablo Fornals. West Ham għamluhom tlieta fit-80 minuta meta minn xutt ta’ Jarrod Bowen kien Pablo Fornals li mit-tieni tentattiv tefa’ ġewwa għal 3-1. Biex fl-84 minuta West Ham assiguraw ruħhom mir-rebħa meta minn pass ta’ Manuel Lanzini, kien Jarrod Bowen li kkonkluda ġewwa għal skor finali ta’ 4-1.
F’partita oħra Leeds United kisbu rebħa ta’ 2-1 barra minn darhom għand Norwich biex nqalgħu miż-żona tar-relegazzjoni. Leeds fetħu l-iskor fis-56 minuta meta wara azzjoni personali kien il-Brażiljan Raphinha li għeleb lil Tim Krul għal 1-0. Madanakollu Norwich kisbu l-gowl tad-draw meta minn corner ta’ Milor Rashica kien Andrew Omobamidele li bir-ras tefa’ ġewwa għal 1-1. Iżda żewġ minuti wara Leeds skorjaw dak li kellu jkun il-gowl deċiżiv meta minn pass ta’ Kalvin Phillips kien Rodrigo li għeleb lil goalkeeper b’xutt minn barra l-kaxxa għal 2-1.
PREMIER LEAGUE
Ilbieraħ Leicester v Arsenal 0-2, Watford v Southampton 0-1, Liverpool v Brighton 2-2, Newcastle v Chelsea 0-3 Man City v C’Palace 0-2, Burnley v Brentford 3-1, Tottenham v Man Utd 0-3 Illum Norwich v Leeds 1-2 Aston Villa v West Ham 1-4 Għada Wolves v Everon 9.00pm
//= $special ?>