Lokali Qorti

Bejjiegħ tal-ħaxix Franċiż li nqabad l-ajruport b’armi u munizzjon jammetti l-akkużi

Bejjiegħ tal-ħaxix u l-frott ta’ 55 sena li ġie Malta fuq negozju ammetta li meta nhar il-Ħadd li għadda kien se jħalli Malta mill-ajruport internazzjonali ta’ Malta kellu fil-pusses tiegħu armi u munizzjon mingħajr liċenzja.

Ruben Cuervo Fernandez minn Gijon ammetta quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li kellu fil-pusses tiegħu żewġ flick knives, pepper spray, sikkina tal-kaċċa u arma regolari li tintuża fil-films. Huwa ammetta wkoll li kellu munizzjon. L-armi u l-munizzjon instabu fil-bagalja tiegħu qabel ma kien se jħalli Malta.

L-Ispettur Roxanne Tabone qalet li Fernandez ammetta li żbalja imma qal li qatt ma basar li dawn huma llegali f’Malta, peress li f’pajjiżu dawn huma legali u li kienu fil-pusses tiegħu wara li ngħataw lilu bħala rigal. Tabone qalet ukoll li huwa għadda minn ajruporti oħra fosthom dak ta’ Berlin u ħadd ma kellmu dwarhom.

L-Avukat tiegħu Simon Micallef Stafrace qal li s-skieken li kellu jużahom għax-xogħol tiegħu. Il-Qorti wara li semgħet l-ammissjoni tal-Franċiż qalet li se tagħti s-sentenza it-Tlieta fid-9.00am. liema sentenza tista tvarja bejn dik ta’ ħabs, anke jekk tista’ tkun waħda sospiża u multa.