Festi Knisja Lokali

“Fid-dgħufija tagħna, hemm il-qdusija” – L-Arċisqof Scicluna

Il-Knisja tiċċelebrata s-Solennità tal-Qaddisin kollha

Il-valuri ta’ suċċess tad-dinja, Ġesù jagħmilhom rashom ‘l isfel u saqajhom ‘il fuq, hekk jagħmel biex jurina li fid-dgħudija tagħna, fil-vulenerabbilità tagħna, hemm it-triq tal-qdusija jekk biss infittxu wiċċu.”

Saħaq dan l-Arċisqof, Charles Scicluna, waqt l-omelija tal-quddiesa tas-Solennità tal-Qaddisin kollha li saret it-Tnejn fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.

Hawnhekk tfakkar kif fil-ħniena tiegħu, Ġesù juri wiċċu fil-misteru tal-imħabba għaliex fi kliemu, dak li nagħmlu mal-iżgħar fost ħutna, inkunu qed nagħmluh ma’ Ġesù:

Il-qdusija tagħna hija opra kbira tal-ħniena t’Alla. Hija dik il-barka li l-Mulej iwiegħed, mhux lil min għamel suċċess fil-ħajja, imma lil min kellu l-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja, min kien imnikket, qalbu ħelwa, lil dak li jħenn, li f’qalbu ma jippruvax jimtela’ bir-regħba imma għandu qalbu safja, minn dak li jġib is-safja, minn dak li jbati għas-sewwa.”

Fil-quddiesa, l-Arċisqof laqa’ uffiċjalment it-talba ta’ 2 seminaristi biex isiru Djakni u eventwalment Saċerdoti… Malcolm Saliba u Karl Andrew Schembri mill-parroċċi ta’ Santa Marija ta’ Ħ’Attard u Marija Bambina tal-Mellieħa rispettivament, li lkoll stqarru r-rieda li joffru lilhom infushom biex iservu lill-Knisja Kattolika bħala djakni u eventwalment bħala qassisin.

Minn naħa tiegħu, l-Arċisqof talabhom biex ikomplu bit-tħejjijiet tagħhom fiż-żmien li ġej sabiex ikunu ppreparati għall-Ordni Sagri.

Intant it-Tlieta, il-Knisja Kattolika tfakkar is-Solennità tal-Erwieħ kollha, b’ħafna jkunu dawk li jżuru l-oqbra ta’ qrabathom fiċ-ċimiterji, jitolbu talba għal ruħhom filwaqt li jħallu xi bukkett fjuri u xi xemgħa tnemnem.

L-Arċisqof se jkun qed iqaddes quddiesa fil-Knisja tal-Erwieħ f’Ħal Tarxien b’suffraġju għall-mejtin kollha, b’mod partikolari għall-vittmi tal-COVID-19, sabiex bit-talb, il-fidi u t-tama tal-qawmien mill-qawmien mill-imwiet, l-erwieħ jitnaddfu minn kull dnub bil-ħniena t’Alla. Wara l-quddiesa mbagħad, l-Arċisqof ibierek l-oqbra fiċ-ċimiterja ta’ dina l-knisja.