Lokali Qorti

Il-qraba jridu kumpens wara li binhom miet fid-Depot

Il-familja qed iżżomm lill-Gvern u l-Kummissarju tal-Pulizija responsabbli tal-mewt

Il-familjari ta’ Richmond Tong, żagħżugħ ta’ 35 sena mill-Imtarfa li miet fil-kustodja tal-Pulizija s-sena l-oħra, daħlu protest ġudizzjarju fil-Qrati jitolbu kumpens għall-mewt ta’ binhom, jisħqu li l-istat huwa responabbli għall-mewt tiegħu.

Tong miet wara li nstab kmieni filgħodu b’puplesija f’ċella fid-Depot tal-Pulizija fl-24 ta’ Ġunju, 2020, ftit sigħat wara li kien arrestat fuq suspett ta’ pusses ta’ kokaina.

Omm Tong u qrabatu ressqu t-talba għall-kumpens lill-Ministru tal-Intern, Byron Camilleri, il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafa, u l-Avukat tal-Istat, Christopher Soler, hekk kif dawn saħqu li bihom miet b’konsegwenza diretta tal-għemil l-uffiċċjali tal-Pulizija peress li b’nuqqas ta’ għaqal, prudenza u ħsieb, naqsu milli jagħtu il-kura medika meħtieġa fil-lejl li miet.

Sors imlaħħaq fil-Korp tal-Pulizija kkonferma mal-ġurnal The Times li t-talba tressqet wara li l-inkjesta li għaddejja bħalissa biex tistabbilixxi l-kawża tikkonferma t-teorija li l-mewt ta’ Tong seta’ ġie evitat wara xhieda kredibbli li ngħatat.

Rapport tossiku li kien sar fuq il-katavru kien sab kif Tong kien taħt l-influwenza tad-droga meta miet, bil-Pulizija dakinhar fi stqarrija tgħid li r-raġel miet minkejja li ngħata l-ewwel għajna fuq il-post minn tim mediku.

Jidher li ħadd minn dawn l-uffiċċjali m’huma sospiżi b’rabta ma’ dan il-każ hekk kif kelliem għall-Pulizija mas-sit Lovin Malta stqarr li għadhom qed jistennew il-konklużjonijiet taż-żewġ inkjesti maħtura, waħda tal-Maġistrat Josette Demicoli u oħra tal-Bord Indipendenti tal-Ilmenti fuq il-Pulizija, biex jieħdu azzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista dak iż-żmien kien sejjaħ għal inkjesta indipendenti li tgħarbel il-kawżiet tal-mewt tar-raġel arrestat, jekk setgħetx tiġi evitata, x’liġijiet u protokolli tħarrsu kif ukoll issib min kien responsabbli għall-prekawzzjonijiet biex titħares saħħet ir-raġel arrestat.

Il-familja Tong hija rrappreżentata mill-avukati Franco Debono u Francesca Zarb.