Lokali Parlament

Illum il-Parlament Malti jagħlaq 100 sena

Malta llum qed tiċċelebra għeluq il-100 sena mill-inawgurazzjoni tal-Parlament fl-1921.

Għaddew 100 sena mindu l-Maltin kienu ngħataw l-ewwel self-government, jiġifieri li f’oqsma importanti – minbarra d-difiża u l-affarijiet barranin.

Il-Parlament għaldaqstant, kien strument li permezz tiegħu seħħew żviluppi tul is-snin li setgħu jagħmlu lil Malta pajjiż indipendenti għalkollox, sid tad-destin tiegħu u bl-għażla f’idejh ta’ min ried li jkun alleat tiegħu mill-qrib fejn, allura, dak li jgħid il-poplu, hu suprem.

Kienu 100 sena li matulhom il-Parlament ta’ Malta kiseb ħafna, iddeċieda ħafna u, allura, nistgħu ngħidu li kien indispensabbli għal pajjiżna.

Fil-Parlament ta’ Malta ttieħdu deċiżjonijiet li meta nħarsu lura nifhmu li kienu kruċjali, l-aktar fil-qasam kostituzzjonali, fejn l-ewwel kienet rifjutata l-idea li Malta tintegra mar-Renju Unit, imbagħad irratifika l-Indipendenza ta’ pajjiżna, approva l-bidla għal Repubblika u, aktar tard, approva s-sħubija ta’ Malta fl-UE.

Iżda dan l-istess Parlament kellu wkoll żminijiet ta’ kriżi. Il-battibekki u n-nuqqas ta’ qbil kienu jeżistu sa mit-twaqqif tiegħu iżda ma kellhom x’jaqsmu xejn ma’ dak li seħħ eżattament meta dan il-Parlament kien qed jiċċelebra l-50 sena tiegħu, meta fl-1971 kien elett mill-ġdid Gvern Laburista li bidel din l-istituzzjoni minn forum tal-ideat f’arena ta’ vjolenza politika li minnha sofrew deputati nazzjonalisti, partitarji tal-PN u, saħansitra ġurnalisti tiegħu, l-ewwel u fuq kulħadd Hector Bruno li minn hawn insellimlu għas-sagrifiċċju sieket tiegħu.

Gvern Nazzjonalista fl-1987 irrestitwixxa d-dekor u d-dinjità lill-Parlament, filwaqt li gvern ieħor tal-PN, immexxi minn Lawrence Gonzi – hu nnifsu wieħed mill-aqwa Speakers tal-Parlament Malta – tah dar ġdid, mibnija esklussivament għalih fl-aktar parti prominenti tal-Belt Kapitali.

F’IN-NAZZJON tal-lum issibu servizz speċjali dwar dan l-anniversarju, imħejji minn VICTOR CAMILLERI kif ukoll editorjal u kitba tal-Eks Ministru u Eks Kummissarju Ewropew Tonio Borg