Internazzjonali

“Irridu naġixxu llum qabel għada dwar it-tibdil fil-klima qabel ikun tard wisq” – Boris Johnson waqt il-COP26

Ritratt: EPA

Waqt il-ftuħ tal-COP26, il-Prim Ministru Boris Johnson ħeġġeġ biex tittieħed deċiżjoni u azzjoni mmedjata dwar it-tibdil fil-klima hekk kif inkella se jkun tard wisq għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Boris Johnson qal li d-diskussjonijiet issa għandhom jiġu fi tmiemhom u jibdew jieħdu l-azzjonijiet fil-ħajja ta’ kuljum… azzjonijiet relatati mal-faħam, il-vetturi, u s-siġar, fost oħrajn. Il-mira matul din il-konferenza hi li jintlaħaq qbil biex it-temperatura tad-dinja ma tiżdiedx iktar minn 1.5°C.

Il-Ħadd, il-mexxejja tal-G20 ltaqgħu f’Ruma fejn jidher li qed tkun diffiċli li jkun hemm għaqda politika bejn il-pajjiżi kollha biex finalment isiru d-deċiżjonijiet meħtieġa f’dan iż-żmien kruċjali.

Fil-fatt, l-akbar ostaklu fid-diskussjonijiet hi l-mozzjoni biex il-pajjiżi involuti f’dan is-summit jaqblu unanimament li t-tibdil fil-klima hi kriżi eżistenzjali għal umanità.

Minn hemmhekk, il-mexxejja mxew għal Glasgow fejn se qed ikomplu jiddiskutu fil-COP26.

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Gutterres qali li hemm bżonn li ngħidu daqshekk għaliex jew se tittieħed azzjoni jew is-sitwazzjoni se twaqqafna milli nkomplu ngħixu ħajja kif sippost. Hu qal li mexjin lejn diżastru-klimatika u jekk il-pajjiżi jonqsu milli jaġixxu, dan ifisser li l-umanità se tesperjenza sentenza ta’ mewt.

Il-Prinċep ta’ Wales, Charles qal li jekk nibqgħu ma nagħmlu xejn, inkunuy qed nitilfu żmien prezzjuż. Qal li n-natura hi l-iktar ħaġa importanti biex ngħelbu din il-kriżi. Il-Prinċep saħaq li d-dinja għandha tħares lejn it-tibdil fil-klima daqslikieku qegħdin niġġieldu f’leqqel ta’ gwerra.

Min naħa tiegħu, il-Prim Ministru Taljan, Mario Draghi għamel enfasi fuq iż-żgħażagħ fejn saħaq li huma għandhom ikunu iċ-ċentru tad-diskussjonijiet fejn kull mexxej għandu jismagħhom u jitgħallem mingħandhom. Saħaq li hemm bżonn naġixxu kemm jista’ jkun malajr kontra l-ġlieda tal-bidla fil-klima.

Delegati minn 200 pajjiż differenti qed jiddiskutu l-isfida globali tal-bidla fil-klima, liema diskussjonijiet bdew il-Ħadd u jibqgħu għaddejjin sat-12 ta’ Novembru.

Aktar minn 30 sena ilu, kien il-Ministru Nazzjonalista Censu Tabone li għall-ewwel darba poġġa’ fuq l-aġenda internazzjonali t-tema tal-bidla fil-klima. Fil-fatt, Censu Tabone kien tkellem fl-Assemblea Generali tan-Nazzjonalijiet Uniti fl-1988… u dakinhar kien wissa dwar l-isfida “urġenti” relatata mal-ambjent u l-bidla fil-klima madwar id-dinja. Hu kien insista wkoll fuq l-importanza li Gvern Nazzjonalista…. sa mit-tmeninijiet…. kien qed jagħti għall-kwistjonijiet ambjentali.

U llum, aktar minn 30 sena wara, dan id-diskors ta’ Censu Tabone qed jitqies bħala wieħed li kien tassew viżjonarju.