Futbol Sport

Jake Grech rebbieħ tal-IZIBET Plejer tax-Xahar, mogħti minn Replay

Jake Grech rebbieħ tal-IZIBET Plejer tax-Xahar għal Settembru ta' Replay

Il-midfielder internazzjonali Malti ta’ Hibernians, Jake Grech hu r-rebbieħ tal-unur tal-aqwa plejer tax-xahar ta’ Replay għal Settembru, li għal sena oħra hu sponsorjat minn IZIBET, wieħed mill-isponsors ewlenin tal-programmi popolari dwar il-futbol Malti fuq Net Television. Għal staġun ieħor, ta’ kull xahar Replay qed jagħti unuri differenti, u li huma marbuta mal-Kampjonat Premier, fosthom l-unur prinċipali tal-aqwa plejer tax-xahar. Dak ta’ Settembru hu l-ewwel wieħed, u intrebaħ mill-plejer li se jkun qed jagħlaq 24 sena fil-jiem li ġejjin u li qed ikollu staġun tajjeb fl-iskwadra ta’ Hibernians.

Ir-rebħ ta’ dan l-unur f’Replay għall-istess xahar ta’ Settembru, ifisser doppjeta personali għal Grech u allura konferma tal-prestazzjonijiet li kienu meqjusa l-aqwa fuq livell individwali, minn dawk kollha li jsegwu l-futbol Malti. Dan għaliex għall-istess unur tal-aħjar plejer tal-istess xahar, mogħti mill-MFA, il-plejer rebbieħ kien Grech ukoll. Għal dan l-unur tal-MFA, l-għażla tar-rebbieħ issir skont il-votazzjoni li ssir mill-kowċis u t-tim managers tal-Kampjonat Premier, membri tal-istaff tekniku tal-MFA u l-membri tal-media li jkunu qed isegwu l-partiti rispettivi tal-Kampjonat.

It-Tnejn filgħaxija, fl-ewwel ġurnata tax-xahar ta’ Novembru, Grech kien ippreżentat bit-trofew għal dan l-unur ta’ Replay, mir-rappreżentant tal-kumpanija IZI Group PLC, Sergio Cappitta, Head of Retail Operations ta’ IZIBET. Din il-presentazzjoni saret f’wieħed mid-diversi ħwienet ta’ IZIBET, u li huma mifruxa f’diversi lokalitajiet f’Malta u anke f’Għawdex. Illum, IZIBET għandha l-akbar netwerk ta’ ħwienet tal-imħatri sportivi fil-gżejjer Maltin u fil-ġimgħat li għaddew, wara diversi snin tikkollabora ma’ Replay, l-MFA ħabbret li din il-kumpanija hi l-isponsor uffiċjali tat-tieni l-akbar kompetizzjoni tal-futbol f’Malta, l-FA Trophy.

Nhar il-Ġimgħa li ġej, Replay se jkun qed ixandar servizz speċjali dwar ir-rebħ ta’ dan l-unur minn Grech ta’ Hibernians, fil-programm li qed ikompli jikber fil-popolaritá tiegħu, Replay Preview. Is-servizzi kollha ta’ kull xahar, fejn jintrebħu l-unuri individwali mogħtija minn Replay, jixxandru f’Replay Preview, il-Ġimgħa fl-9:40pm fuq Net Television.