Lokali Qorti

Jammetti li barax il-karozza tal-Ispettur Taliana

Raġel ta’ 38 sena minn Ħal Qormi ammetta quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li nhar is-Sibt li għadda għamel ħsara li tammonta għal  €2,000 fuq il-karozza tal-Ispettur Elton Taliana. Justin Bartolo qal lill-Qorti li ma riedx jiġi assistit minn avukat. Madankollu l-Qorti għajtet lill-Avukat tal-Għajnuna Legali, Simon Micallef Stafrace biex ikun preżenti fl-awla fuq il-każ.

Bartolo ammetta li wettaq dan ir-reat għall-ħabta tal-10.45pm fi Triq l-Oratorju Ħal Tarxien. L-Ispettur Sarah K Zerafa qalet li l-ħsara tammonta għal €1,996 u meta ġie arrestat Bartolo ammetta mill-ewwel u kkopera mal-Pulizija. Ħareġ ukoll li huwa għandu kondotta nadifa.

L-Avukat Mario Mifsud li deher għan-nom tal-vittma qal li huwa faċli li Bartolo jammetti u dan peress li l-filmati tas-CCTV juru b’mod ċar kif saret il-vedikazzjoni, fejn l-ewwel ġie mibrux ġemb sħiħ u dan ma kien biżżejjed fejn Bartolo barax in-naħa l-oħra tal-karozzza minn tarf sa tarf.

L-Avukat Mifsud qal li Taliana ma waqax għall-provolazzjoni tal-ħati u ma niżilx jaffrontah għaliex l-istorja seta’ kellha tmiem ferm aktar gravi. Tenna li llum barax karozza u għadha tista’ ssir vendikazzjoni ferm agħar u li mhux sew li jekk persuna ma naqblux miegħu, nagħmlu dawn il-vendikazzjonijiet.

Id-difiża qalet li wieħed irid jieħu kunsiderazzjoni li ammetta mill-ewwel u li skuża ruħu. L-Avukat Mifsud qal li l-filmati mis-CCTV huma tat-tkexkix. Il-qorti filwaqt li wissiet biex ma jkellimx, javviċina u b’xi mod jibgħat messaġġ lil Taliana jew membri tal-familja tiegħu.

Wissiet lil Bartolo li jekk ma jobdiex l-ordnijiet tal-Qorti jispiċċa ħażin u qaltlu li dawn l-affarijiet qatt m’għandhom isiru f’soċjetà ċivili. Saret talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Bartolo fejn ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni minn naħa tal-proseluzzjoni.

Il-Qorti laqgħet it-talba fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li jiffirma kull nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Qormi, li jirtira bejn it-8.00pm u s-6.00am. u garanzija personali ta’  €7,000. Is-sentenza mistennija tingħata  nhar il-Ħamis, 11 ta’ Novembru.