Kristy Debono, PN
Id-deputat Nazzjonalista Kristy Debono qalet fil-parlament li jeħtieġ li minn issa jkollna strateġija nazzjonali fejn il-kompetittività tas-servizzi li joffri pajjiżna, bħalma huma s-servizzi finanzjarji ma jkunux biss ibbażati fuq il-mudell fiskali.
Dak nibqgħu dak nipproteġuh u niddefenduh però magħhom għandu jkollna l-effiċjenza amministrattiva, għandna nimplimentaw inċentivi u proċeduri innovattivi, indaħħlu strutturi legali li huma trasparenti u rigorużi, użu ferm aktar effettiv tat-teknoloġija li tnaqqas il-burokrazija u servizzi bankarji serji però flessibbli.
Il-budget tas-sena li għaddiet il-Gvern ħabbar deficit ta’ €800 miljun u fir-realtà din is-sena rajna li d-deficit kien id-doppju ta’ dak imbassar; jigifieri ta’ €1.5 biljun. F’dawn is-sentejn pajjiżna se jkun għamel dejn ta’ €2.8 biljun , bil-pandemija tiswa lil pajjiz €1.5 biljun dejn u allura minnkejja din iċ-ċifra, se nkunu qed niddejnu d-doppju.
Iċ-ċifri juru li r-rata tal-inflazzjoni qed tiġri bina, ma nistgħux inlaħħqu magħha u b’konvinzjoni ngħidu li l-aktar li jintlaqtu huma l-pensjonanti, l-vunerabbli u dawk li jaqilgħu dħul l-aktar baxx.
Iċ-cifri tal-lum m’huma xejn jekk ma jkunx hemm is-setturi neċessarji li jsostnu din l-ekonomija jekk ma ninvestux f’setturi ġodda li jassiguraw tkabbir ekonomiku sostennibli. minn kulħadd.
Mhix qed tagħmel ġustizzja ma’ ‘l fuq mis-87,000 persuna f’pajjiżna li bħalissa jgħixu fil-faqar. Ma’ dawn l-ekonomija tal-pajjiż falliet. Ma’ dawk l-anzjani li sa nofs ix-xahar tispiċċalhom il-pensjoni l-ekonomija tal-pajjiz mhijiex qed tagħmel ġustizzja… dawk in-negozji li ma rnexxielhomx isalvaw bl-ispejjeż fenomenali, bil-burokrazija esaġerata u għalqu l-bibien tagħhom l-ekonomija tal-pajjiż u ċ-ċifri m’għamlux ġustizzja magħhom.
Fil-budget ma smajna l-ebda dettalji ta’ x’għandu l-Gvern f’moħħu biex il-kunċett ta’ żvilupp ekonomiku ma jibqax biss terminoloġija astratta miktuba fuq il-karta, iżda nibdew narawha bħala vizjoni tanġibbli, li nistgħu nibnu fuqha, niżviluppawha, ntuha direzzjoni u natwawha biex verament narawha tħalli l-frott.
Kont qed nistenna li fil-budget nisimgħu b’mod konkret kif se nindirizzaw it-titjib tal-kwalità tal-ħajja billi jiġi preżentat pjan, miri ta’ kif se neradikaw darba għal dejjem il-faqar, kif se nassiguraw li mat-tkabbir ekonomiku ma jkunx hemm min jinqata’ aktar lura minħabba l-għoli tal-ħajja fost fatturi oħrajn. Kif se ttejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadin, l-aspett ambjentali, l-aspett edukattiv – speċjalment fejn jidħlu early school leavers, l-illetteriżmu, l-aspett tas-saħħa u l-kura mentali. Kif il-ġid u r-riżorsi tal-pajjiż jinqasmu b’mod aktar ġust u jilħaq lil firxa aktar wiesgħa ta’ nies.
Għaliex jekk se nistrieħu fuq il-ġbir tat-taxxi bl-aretrati dak mhuwiex se jiggarantixxi l-ebda tkabbir ekonomiku sostennibli u mingħajr is-sostennibiltà fit-tkabbir ekonomiku lanqas m’aħna se nimxu fuq l-iżvilupp ekonomiku.
Li l-budget mhux realistiku qaluh bosta msieħba soċjali fosthom l-MEA, l-MUT u oħrajn, però qalu ukoll l-MEP l-eks Prim Ministru Laburista Alfred Sant.
F’pajjizna diġà qed naraw rankatura qawwija fil-prezzijiet u fl-għoli tal-ħajja; għandna ċ-ċifri tal-Gvern stess, li tħabbru ftit tal-ġimgħat ilu li juru li l-indiċi tal-prezz ta’ prodotti u servizzi bażiċi rdoppjaw. Għandna realtà tal-istħarrig taċ-Chamber of Commerce li juri li 42% tal-kumpaniji qiegħdin jippjanaw li jgħollu l-prezz tal-prodotti u s-servizzi tagħhom. 88% tal-membri tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, huma mħassba bl-impatt negattiv tal-grey listing f’pajjiżna.
Iċ-Chamber of Commerce fi stħarriġ turi li huma biss 25%, tan-negozji li għandhom fiduċja fi tkabbir ekonomiku tal-pajjiż għax-xhur li ġejjin.
Aktar riċenti l-istħarriġ ta’ Ernst & Young Attractiveness Survey, li ilu jiġu ppublikat għal dawn l-aħħar 17-il sena u li jagħmel stħarriġ fuq 110 kumpanija barranija, investiment barrani li joperaw f’pajjiżna.
Dan is-survey jagħti kundanna mingħajr preċedent għall-mod kif kumpaniji barranin li diġà huma stabbiliti hawnhekk qiegħdin iħarsu lejn pajjiżna.
Dan l-istħarrig juri kif għall-ewwel darba fi 17-il sena, numru sostanzjali tal-investituri barranin – 46% – qed jgħidu li pajjiżna mhuwiex attraenti biex tagħmel negozju fih. Is-sena li għaddiet kienu 25% ta’ dawk li rrispondew li qalu li Malta mhijiex attrajenti. Jiġifieri is-sena li ghaddiet kwart tal-investituri barrani f’pajjiżna qalu li Malta mhijiex attraenti u sena wara, wara li pajjiżna daħal fil-lista l-griza, in-numru ta’ investituri barranin f’pajjiżna li qed jgħidu li Malta m’għadiex attraenti biex taghmel negozju fiha tela’ ghal 46%, kważi nofshom. Fl-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista fl-2012 ma kienux 37% tal-investituri barranin li jemmnu li Malta hi attraenti għan-negozju però kienu 86% u fis-sena ta’ qabel iċ-ċifra kienet ta’ 91%.
Ronald Attard, il-Country Managing Partner ta’ EY, jgħid: ‘The stability of the political, legal and regulatory environment has been placed last for the second year running. Some years back, this parameter was ranked at the very top’.
L-akbar ostaklu għal pajjiżna għall-fatt li qiegħdin fil-lista l-griża hu l-abilità li nidhru bħala pajjiż ta’ reputazzjoni tajba biex wieħed jagħmel negozju fih. Fil-fatt din kienet tħassib ta’ 84% tal-investituri li rrispondew f’dan l-istħarrig.
L-ewwel miżura li jrid jagħmel dan il-Gvern jekk verament irid jitfa’ lil pajjizna fuq livell kompetittiv hu li jnaddaf ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. It-tieni; aktar investiment u pjan strateġiku fuq l-aspett edukattiv fejn jidħlu l-iskills gap. It-tielet; it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet, l-infurzar u l-moniteraġġ. Ir-raba; il-ħtieġa li jiġu żviluppati setturi ekonomici ġodda.
//= $special ?>