Xahar ġdid u ġimgħa ġdida, iżda l-problemi fir-rigward ta’ xogħolijiet ta’ toroq ikomplu jikbru. Fl-aħħar siegħat ħarġu fil-beraħ żewġ każijiet ġodda ta’ nuqqas ta’ ppjanar u xogħol ta’ livell inferjuri fil-qasam infrastrutturali tat-toroq taghna.
Permezz ta’ stqarrija mill-Kelliem tal-PN għat-Trasport u Infrastruttura Toni Bezzina, intqal li fl-inħawi tac-Chadwick Lakes, fl-aħħar sigħat ċediet triq, b’periklu kbir għal kulmim jagħmel użu minn din it-triq. Minkejja li riċentament intefqu €5 miljun fir-riabilitazzjoni ta’ din iz-zona, wara ftit ġimgħat diġa bdew joħorġu n-nuqqasijiet fix-xogħolijiet li saru f’ din iz-zona.
F’Għawdex, triq li l-Prim Ministru Robert Abela fetaħha inqas minn sena ilu, diġa bdiet tinqala’ mill-ġdid sabiex isir xi xogħol fuq is-sistema ta’ servizzi li hemm taħt it-triq. Minflok ma sar dan ix-xogħol meta inqalgħet oriġinarjament it-triq, qed isir issa, b’aktar inkonvenjent għar-residenti u spejjeż zejda għall-poplu.
Dan kollu jixhed għan-nuqqas ta’ ppjanar tal-gvern fejn jidħlu x-xogħolijiet infrastrutturali. Jeħtieġ li llum qabel għada, l-gvern jibda jippjana dawn ix-xogħolijiet kif xieraq – xogħol ippjanat u ta’ kwalita b’inkonvenjent minimu għal kulħadd.
//= $special ?>