Il-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Mirim Hayman ordnat ir-rilaxx tal-propjetà kollha ta’ Francis Caruana minn Marsaxlokk ħlief għall-vettura Toyota Yaris u dan fi proċeduri ċivili speċjali dwar l-ordni ta’ konfiska wara li l-Qorti kriminali kienet bidlet sentenza ta’ erba’ snin ħabs f’waħda ta’ probation għal tliet snin fil-konfront tiegħu.
Fil-fatt fis-sentenza tagħha il-Qorti Ċivili ordnat ir-rilaxx tal-propjetà kollha, inkluż dar u garaxx f’Marsaxlokk, appartament f’Għawdex, kif ukoll kontijiet u flejjes oħra fil-banek. Dan kollu wara li l-Qorti eżaminat bir-reqqa u kkonkludiet li l-provenjenza ta’ din il-propjeta kollha kienet waħda leġittimi. Caruana huwa eks uffiċjal fid-Dipartiment tas-Sajd. L-unika konsifiska ordnata mill-qorti kienet dik tal-vettura mixtrija minnu fit-23 ta’ Novembru 2013.
Il-Qorti laqgħet talba għar-rilaxx tal-propjeta kollha tiegħu li flimkien mal-assi kienu friżati, filwaqt li fil-proċeduri kriminali dwar ħasil ta’ flus sentena ta’ ħabs mill-qorti tal-Maġistrat kienet ġiet revokata mill-Qorti tal-Appell Kriminali. Huwa kien qed jiġi mixli dwar tixħim ta’ aktar minn €30,000 għad-dannu tal-istess dipartiment.
Il-Qorti tal-Appell Kriminali kienet qalet li l-fatt li Francis Caruana għandu ħajja stabbli u anke sab impjieg waqt il-proċeduri, u l-fatt li beda jħallas is-somma ffrodata lid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura tawgura tajjeb. L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera kienet qalet fis-sentenza tagħha li jekk Caruana jintbagħat il-ħabs, mhuwiex se jkun ta’ għajnuna sabiex titħallas multa li kienet inflitta fuqu mill-Ewwel Qorti.
Ittieħdet ukoll il-kunsiderazzjoni li Caruana mhux biss ammetta iżda anke għandu kondotta nadifa u huwa bniedem tal-familja. Il-każ imur lura għall-2014 meta Caruana, li ħadem fid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, kien akkużat b’approprjazzjoni ta’ flus tal-Gvern u li permezz tal-pożizzjoni tiegħu, ħa vantaġġ personali fuq karti ta’ kreditu u dokumenti tad-dipartiment, u dan għad-detriment ta’ persuni u entitajiet. konnessi mas-sajd.
Fil-Qorti ħareġ li Caruana ħasel madwar €32,000 u li huwa approprja għall-profitt personali tiegħu jew għal persuni oħra, is-somma ta’ aktar minn €2,329 għad-danna tal-Gvern. Caruana kien uża ismijiet u kwalifiki foloz, u kkorrompa persuni b’ rigali, flus u wegħdi.
Il-Qorti tal-Appell Kriminali li studjat il-każ sal-lanqas dettal kienet qalet li hi tal-fehma li kollox jindika li Caruana jinsab fit- triq it-tajba u qiegħed jagħmel l-isforzi meħtiega biex iżomm in linja mar-responsabbiltajiet tiegħu.Is-socjetà għalhekk ma tistax tiġi protetta billi dan jispiċċa l-ħabs għall-iżball tiegħu iżda billi bl-għajnuna ta’uffiċjal tal-probation, ikompli jirresponsabbilizza ruħu, u dan anke billi jaghmel il-pagamenti opportuni lill-vittmi tiegħu.
Dan ukoll billi jrodd xi haġa lis-socjetà permezz ta’ servizz fil-komunità. Ghalhekk huwa l-każ illi, minbarra ordni ta’ kumpens, huwa għandu jitqiegħed taħt ordni ta’ probation u servizz sabiex ikun hemm ammont ta’ superviżjoni minn uffiċjal tal-probation filwaqt li permezz tal-ħidma tiegħu, ikun qiegħed irodd lis-soċjeta dak is-sodisfazzjon li hija tippretendi li għandu jkollha.
Il-Qorti tal-Appell kienet qalet ukoll li mhix konvinta li jekk l-imputat jerga jiġi kundannat għal piena karċerarja fuq reati li huwa ammetta għalihom u li seħħew aktar minn sitt snin ilu. Id-difiża li kienet preseduta mill-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri filwaqt li kienet tenniet li Caruana vera zbalja, imma saħqet li huwa kien tgħallem mill-iżball u huwa bniedem tal-familja.
//= $special ?>