Grupp ta’ 49 immigrant ġew salvati minn fuq il-blat ta’ taħt ir-Reverse Osmosis bejn Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi għall-ħabta tas-1.30pm.
Dan ġie ikkonfermat ma’ Net News minn kelliema għall-Pulizija fejn ġie spjegat li Patrol Boat u żewġ dinghies ġew imsejħa fiż-żona għal missjoni ta’ salvataġġ. Membri tal-AFM qed iniżżlu lill-immigranti tnejn tnejn fuq dinghy biex jittiedħud fuq dinghy ieħor li mbagħad iwassalhom fuq il-P20.
B’kollox kien hemm 39 raġel, erba’ nisa u sitt itfal. Huma ttellgħu fi gruppi żgħar fuq dinghy tal-Forzi Armati u wara għal fuq Patrol Boat.
L-operazzjoni kienet waħda ferm delikata minħabba l-baħar qawwi li kien hemm fiż-żona.
L-immigranti ddaħħlu l-art f’Boiler Wharf u ngħataw f’idejn il-Pulizija tal-Immigrazzjoni għal aktar investigazzjonijiet. Mara tqila ttieħdet l-Isptar Mater Dei għall-osservazzjoni. Il-kumplament tal-persuni l-oħra ma kellhomx bżonn assistenza medika.


