Ma jiċħadx li l-allegazzjonijiet dwar il-Kurunell qed jiġu investigati mill-Pulizija
Il-Ministru Byron Camilleri, li f’ħoġru taqa’ r-responsabbilità ta’ xi jseħħ wara l-ħitan tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, għal darb’oħra għażel li l-pożizzjoni tiegħu rigward id-Direttur tal-Ħabs Alex Dalli tkun…li ma jkollux waħda.
Hekk kif kien mistoqsi minn Net News dwar jekk il-pożizzjoni tal-Kurunell Dalli għadhiex tenibbli wara n-numru ta’ priġunieri li temmu ħajjithom taħt it-tmexxija tieghu, kif ukoll allegazzjonijiet insistenti mingħand eks priġunieri u saħansitra eks gwardjani tal-ħabs dwar l-aġir tad-Direttur – Byron Camilleri reġa’ għażel li ma jieħux pożizzjoni.
Matul tmiem il-ġimgħa l-ġurnal Illum żvela li l-allegat aġir ta’ Alex Dalli kien qed jiġi investigat mill-Pulizija wara li eks Gwardjan tal-ħabs, Emmanuel Cassar allega li raħ idaħħal arma tan-nar, li jġorr fuqu, f’ħalq priġunier u jheddu li se jaħliha fuqu.
Mistoqsi dwar dan u jekk jaħsibx li d-Direttur tal-ħabs għandux jieħu pass lura sakemm jitlestew l-investigazzjonijiet u l-inkjesti, Byron Camilleri ma ċaħadx dak li żvela l-ġurnal Illum.
Madanakollu huwa għażel li xorta waħda jdaħħal id-dubji dwar l-allegazzjonijiet li qed isiru dwar il-mexxej tal-ħabs, iżda għal darb’oħra kkonferma li l-allegazzjonijiet li saru qed jiġu investigati mill-Pulizija.
Mistoqsi jekk hux komdu bil-kurunell Dalli, li minflok iwieġeb id-domani qiegħed jiftaħ libell wara l-ieħor…inkluż lil Net News, Byron Camilleri għażel li jaħrab mid-domanda.
Dan minkejja li l-Prim Minsitru u Mexxej tal-Labour Robert Abela kemm-il darba kien ċar li huwa komdu b’Dalli jmexxi.
//= $special ?>