Ambjent Internazzjonali

COP26: Lejn ftehim biex tieqaf il-qerda tas-siġar

Il-mexxejja tad-dinja resqin lejn l-ewwel qbil importanti li mistenni jirriżulta mis-summit tal-COP26 – ftehim biex tispiċċa darba għal dejjem il-qerda tas-siġar, u jibda proċess madwar il-globu sabiex jitkabbru l-foresti.

Aktar tard illum, il-100 Kap ta’ Stat li jinsabu miġbura fi Glasgow se jwegħdu li sas-sena 2030 – jiġifieri f’anqas minn 10 snin – tieqaf id-diforestazzjoni. Il-Brazil mistenni jkun firmatarju wkoll ta’ dan il-ftehim importanti, li żgur se jkollu effett pożittiv biex tiġi miġġielda l-bidla fil-klima.

Din il-wegħda hija marbuta ma’ għajnuniet finanzjarji li jlaħħqu id-19-il biljun dollaru Amerikan.

Is-summit tal-COP26 fetaħ nhar il-Ħadd li għadda fl-Iskozja, bil-politiċi ewlenin jaslu lbieraħ fil-belt ta’ Glasgow fejn qed jiltaqgħu l-mexxejja. Il-COP26 se jkun mifrux fuq ġimgħatejn.