Coronavirus Lokali

COVID-19: Imut raġel; 29 każ ġdid

L-Awtoritajiet tas-Saħħa ħabbru li raġel ta’ 83 sena tilef ħajtu kaġun tal-COVID-19. B’hekk, it-total ta’ mwiet żdied għal 462.

Dan filwaqt li tħabbar li kelna 29 każ ġdid. Fl-aħħar jiem, minkejja li bi ftit, il-każi żdiedu. L-aħħar darba li kelna iktar minn 29 każ kien madwar xahar u nofs ilu, propju fil-15 ta’ Settembru meta kelna 32 każ f’24 siegħa. Fl-aħħar sigħat fiequ wkoll 16-il persuna oħra biex b’hekk il-każi attivi huma 238.

Fl-Isptar Mater Dei, sa llum hemm 10 pazjenti, b’erbgħa minnhom jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva jingħataw kura għal sintomi li għandhom kaġun tal-virus.

Tħabbar ukoll li sal-bieraħ ngħataw 54,267 vaċċin tal-booster.

Intant, minn din il-ġimgħa komplew jonqsu r-restrizzjonijiet f’pajjiżna marbuta mal-pandemija. Fost l-oħrajn, ir-ristoranti li se jkunu qed jilqgħu persuni mlaqqma biss jistgħu jneħħu d-distanza soċjali u żdied il-ħin għall-viżitaturi fid-djar tal-anzjani.

Żdied ukoll l-ammont ta’ persuni li jista’ jkun hemm f’attività waħda, b’attendenza sa 300 persuna se tkun aċċettata.