Ryan Callus, Deputat Nazzjonalista
Ryan Callus, Deputat Nazzjonalista, qal fil-parlament li dan hu settur li jolqot lil ħafna nies fi tbatijiet finanzjarji. Il-Gvern għamel ħafna xenxilli sbieħ iżda fid-disa’ snin li għaddew għadha ma daħlet l-ebda familja f’xi appartament wieħed li beda u lesta l-Gvern Laburista.
Il-Gvern Laburista waqa’ ħafna lura fil-binjiet tal-appartamenti tal-Gvern. Blokok nofs leħja. Oħrajn mitluqa. X’inhu jiġri?
Binja ta’ mitejn unit fid-distrett tagħna iżda li mhux kulħadd se jkollu faċilitajiet ta’ parkeġġ. U anki f’postijiet oħrajn qed jiġri l-istess.
Dan hu Gvern tas-superlattiv, iżda jekk lil dan il-Gvern taqtagħlu x-xenxilli u l-aġġettivi ma ssib xejn.
Il-Partit Nazzjonalista jrid housing ta’ kwalità u mhux tal-ħabba gozz. Fis-Siġġiewi se jinbena proġett ta’ housing soċjali iżda tajjeb li dan il-proġett ikun jinkludu faċilitajiet għall-parkeġġ lill-istess residenti. Il-Gvern għandu jikkonsidra d-disinn biex ma jkomplix joħloq aktar problemi ta’ parkeġġ.
Hu staqsa wkoll kif il-Gvern qed jagħmel proġetti fejn ma hemmx spazji miftuħa. Allura se jkun qed jitfa’ lin-nies f’ambjenti xejn deċenti għaliex in-nies jixirqilhom kull ambjent miftuħ u ambjent deċenti.
Ryan Callus tkellem dwar il-kwistjoni ta’ fejn qed jintrema l-iskart. L-iskart qed jintrema fuq il-bankini u dan minħabba n-nuqqas ta’ ippjanar tal-Gvern li ma hux ifittex il-housing ta’ kwalità.
Filwaqt li fakkar fl-€40 miljun li Konrad Mizzi ħafer lill-Electorgas qal li l-Gvern għandu jġorr dawn ir-responsabbiltajiet u mhux sħabu fil-Partit Laburista jibqgħu jaqbżu għal dan il-Ministru korrott.
Dan il-vot messu kien ta’ €80 miljun kieku l-poplu ma kienx misruq bl-aktar mod sfaċċat, temm Ryan Callus.
//= $special ?>