Internazzjonali

Iffirmat ftehim biex tispiċċa l-qerda tas-siġar

Il-mexxejja tad-dinja waslu għall-ewwel qbil importanti li ħareġ mis-summit tal-COP26 – ftehim biex tispiċċa darba għal dejjem il-qerda tas-siġar, u jibda proċess madwar il-globu sabiex jitkabbru l-foresti.

Matul il-jum tat-Tlieta, il-Kapijiet tal-Istat li jinsabu miġbura fi Glasgow wegħdu li sas-sena 2030 – jiġifieri f’anqas minn 10 snin – tieqaf id-diforestazzjoni. Il-Brazil kien ukoll wieħed mill-firmatarji ta’ dan il-ftehim importanti, li żgur se jkollu effett pożittiv biex tiġi miġġielda l-bidla fil-klima. Din il-wegħda hija marbuta ma’ għajnuniet finanzjarji li jlaħħqu id-19-il biljun dollaru Amerikan.

Apparti dan, iktar minn 80 pajjiż iffirmaw li jnaqssu l-emmisjonijiet tal-methan sal-aħħar tad-diċenju.

F’diskors li ghamel, il-President Amerikan Joe Biden qal li x-xjentisti jemmnu li 0.5 gradi celcius fiz-zieda fit-temperaturi – jiġifieri kważi n-nofs – hu kaġun tal-gassijiet serra, it-tieni wara carbon dioxide. Hu għalhekk li dan l-impenn se jkun ta’ differenza kbira favur l-ambjent.

Is-summit tal-COP26 fetaħ nhar il-Ħadd li għadda fl-Iskozja, u tibqa’ għaddejja għal ġimagħtejn.