Lokali Parlament

Il-gvern abbanduna l-estenzjoni tal-iskola tal-Mellieħa

Robert Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal fil-parlament li l-gvern abbandunal-estenzjoni tal-iskola tal-Mellieħa b’konsegwenzi negattivi fuq il-komunità tal-lokal u l-istudenti.

Robert Cutajar qal li l-pajjiż għandu jitratta bis-serjetà l-obeżità u sostna li l-edukazzjoni għandha rwol importanti biex Malta ma tibqax klassifikata fuq in-naħa l-ħażina fl-obeżità minħabba li t-tfal Maltin huma fost l-aktar tfal li għandhom din il-problema.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li wara sitt snin mill-avviż legali dwar l-obeżità jidher lim’hemmx ir-rieda u l-impenn neċessarji biex kull skola jkollha aċċess għall-ilma b’xejn. L-obeżità kabbret ukoll il-kumplikazzjonijiet għall-persuni li kellhom il-COVID u għalhekk għandha tingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Robert Cutajar qal li għandhom isiru diskussjonijiet mal-MUT dwar klassijiet li jkollhom lezzjoni waħda biss fil-ġimgħa ta’ edukazzjoni fiżika. Jeħtieġ li tingħata wkoll attenzjoni dwar x’tip ta’ ikel jittiekel fl-iskejjel.

Robert Cutajar semma’ l-iskejjel tad-distrett li hu jikkontesta u qal li hemm dewmien għall-estenzjoni tal-iskola tal-Mellieħa b’25 klassi. Dwar dan il-proġett għad m’hemmx il-permessi, sostna Robert Cutajar, li rringrazzja lill-Mellieħa Sports Club li taw sitt ikmamar biex jintużaw għall-iskola. Hu tratta wkoll is-sala tal-komunità fil-Mellieħa u appella biex din issir għall-ġid tal-komunità. Il-post fid-daħla tal-Mellieħa fejn kellha ssir din is-sala tal-komunità illum ittieħded biex qed jinbnew disa’ sulari ta’ appartamenti. Hu semma’ l-iskola ta’ San Pawl il-Baħar u qal li hu pożittiv li issa tneħħew il-containers kien hemm fil-bitħa u appella biex il-parkeġġ fl-iskola tal-Qawra jibda jintuża wkoll mill-komunità.